Lokali Temp

Attenti! Tasal twissija dwar is-sħana

L-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija minħabba t-temperatura għolja tal-lum, hekk kif huwa mistenni li t-temperatura tlaħħaq it-42°C.

Wieħed dejjem qed ikun imħeġġeġ biex jevita x-xemx matul perjodi sħan tal-ġurnata, normalment bejn il-11.00am u l-4.00pm.

It-temperatura tul il-lejl mistennija tinżel għal 29°C, bis-sitwazzjoni mistennija tbatti ftit tul tmiem il-ġimgħa u għall-festa ta’ Santa Marija hekk kif it-temperatura mistennija tilħaq il-35°C.

Fl-aħħar jiem kien hemm appelli biex wieħed jipprova jżomm frisk billi joqgħod fil-partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol u kif ukoll biex wieħed jagħlaq il-purtieri ta’ kmamar li jaffaċċjaw ix-xemx biex  b’hekk jinżamm aktar il-frisk.

Wieħed ukoll qed ikun imħeġġeġ biex jixrob l-ilma regolarment, biex jagħmel tajjeb għat-telf ta’ likwidi mill-ġisem, filwaqt li jiekol aktar ikel frisk u kiesaħ.

It-temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rata mgħaġġla li jista’ jwassal għal nixfa (dehydration). Dan jista’ jwassal ukoll għal eżawriment tas-sħana jew stroke relatat mas-sħana. Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd iżda xi nies huma f’riskju akbar, bħal anzjani, trabi, tfal żgħar, nies b’kundizzjonijiet kroniċi u nies attivi fiżikament.