Għadu fil-periklu tal-mewt il-priġunier illi l-Ħadd prova jneħħi ħajtu b’idejh, meta nstab kważi bla ħajja fiċ-ċella tiegħu. Net News jista’ jikkonferma li l-priġunier ta’ 30 sena għadu qed jinżamm fuq il-magni fl-ITU, hekk kif illum kienet għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali.
Il-priġunier, li hu Malti, ittieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei tard il-Ħadd wara nofsinhar, fejn ġie iċċertifikat fil-periklu li jitlef ħajtu. Jidher li fil-ħin tal-attentat, ir-raġel kien waħdu fiċ-ċella, b’rapporti jindikaw li fl-aħħar ġimgħat fl-ebda ħin ma kien hemm indikazzjonijiet li r-raġel kien qed ibati minn xi problemi.
Is-sorsi tagħna ikkonfermaw li l-priġunier kien fil-ħabs fuq każ ta’ vjolenza fuq ommu, għaliex ir-raġel huwa dipendenti fuq id-droga. L-inkjesta dwar dan il-każ qed timmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke, għalkemm il-Gvern ħatar inkjesta separata li suppost se tinvestiga b’mod “indipendenti” l-operat tal-ħabs.
L-aktar każ riċenti li jikkonferma n-nuqqasijiet kbar li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin seħħ fil-bidu ta’ Lulju li għadda bil-mewt ta’ priguniera li kienet ukoll provat tneħħi ruħha b’idejha – mara illi kienet it-12-il persuna li mietet fil-ħabs kemm ilu taħt it-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli.
Dan il-fatt wassal għal kritika qawwija fil-konfront tat-tmexxija tal-ħabs u anke tal-Gvern Laburista. Għalkemm il-Ministri qed jibqgħu jiddefendu lill-sehibhom Byron Camilleri. F’kummenti lil Net News, il-Ministru Ian Borg, filwaqt li ddefenda l-kollega tiegħu, anke meta fl-aħħar xhur l-imwiet fil-ħabs kompla jiżdied, staqsejna jekk il-Kabinett tlaqqax matul din il-ġimgħa – il-ġimgħa meta priġunier ieħor prova jneħħi ħajtu b’idejh. Ian Borg ma qalilniex iva jew le għal din il-mitoqsija. Minkejja li materja bħal din hija waħda serja, informazzjoni li kiseb dan l-istazzjoni turi li din il-gimgha…fil-verita’…il-Kabinett għal xi raġuni ma tlaqqax. Bil-Prim Ministru jinsab igawdi l-vaganzi tieghu.