Il-President tal-PL Ramona Attard spiċċat qalet ċamata mill-editorjal tal-Malta Independent wara li ma kinitx kapaċi tagħmel distinzjoni Stat u Gvern.
F’intervista li kellha ma’ The Malta Independet on Sunday il-President tal-Partit Laburista qalet l-Istat li kien taħt investigazzjoni fl-inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mhux l-istess Stat tal-lum.
L-editorjal, iżda, jagħmilha ċara li dan huwa l-istess Stat għaliex fl-ebda waqt ma ħloqna Repubblika ġdida. Bl-editur ikompli jgħid li huwa evidenti li Ramona Attard ma tafx id-differenza ta’ Stat u Gvern.
Fil-fatt, il-ġurnal ifakkar li pajjiżna għadu taħt l-istess leġislatura li bdiet fl-2017 …meta l-Partit Laburista reġa’ kien elett fil-Gvern. Huwa minnu li kien hemm bidla fil-Prim Ministru, imma ħafna mill-persuni li kienu jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ Muscat… għadhom hemm sal-lum.
L-editorjal jgħid li Ramona Attard, fl-intervista tal-Ħadd, provat tiddinstanzja lill-Partit Laburista mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. B’dak li qalet jimplika li Muscat għandu jerfa’ fuq spallejh ir-reponsabbiltà ta’ dak li ġara taħt it-tmexxija tiegħu.
L-editur jikteb li l-Partit Laburista qatt ma jista’ jkeċċi lil Joseph Muscat bl-istess mod kif warrab lill-eks Ministru Konrad Mizzi…. imma jaf li Muscat għamel u għadu qed jagħmel ħsara kbira lill-istess partit.
Mistoqsija jekk Muscat għandux jitkeċċa mill-Partit Laburista, Ramona Attard mxiet fuq il-passi ta’ Robert Abela u qalet li Joseph Muscat diġà ħallas prezz għal dak li għamel u m’għadux Membru Parlamentari. Għalkemm dawk kollha li mhumiex Ġaħan… jafu li dan kollu mhux biżżejjed! Il-Kap tal-PN Bernard Grech ilu ġimgħat sħaħ jinsisti li Abela għandu jiċħad lil Muscat – iżda l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lill-predeċessur tiegħu.

