It-tibdil fil-klima – sfida globali – jekk ma tkunx indirizzata b’mod urġenti, se tpoġġi f’riskju mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-prosperità ekonomika dinjija, l-iżvilupp u b’mod iktar wiesa, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-umanità. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista reġa’ qed ikun fuq quddiem nett biex jegħleb din l-isfida.
Wara r-rapport maħruġ mill-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, li sab li m’għadux aktar possibbli li naħarbu din l-isfida tal-bidla fil-klima, u li b’din ix-xejra pajjiżna jista’ tispiċċa kważi deżert, il-PN ħabbar li ser ikun qed jixpruna d-diskussjoni nazzjonali biex jitwettaq Pjan ta’ Azzjoni ħalli Malta timmaniġġja l-impatt fuq l-ambjent u s-soċjeta’.
Minbarra li l-PN ser inkun qiegħed iressaq il-ħsibijiet tiegħu fi ħdan il-fora Ewropej, il-Kap tal-Partit Bernard Grech, waqqaf core team sabiex mill-aktar fis tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima ħalli din il-materja tant importanti għall-futur tagħna titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali.
Dwar dawn l-iżviluppi, Net News tkellem ma’ Xandru Cassar, żagħżugħ ta’ 19-il sena li qed jistudja l-ekonomija agrikola fl-Università ta’ Edinburgh fl-Iskozja. Cassar huwa d-delegat Malti fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti, ‘Youth4Climate Driving Ambition.’
Mistoqsi dwar kemm jaħseb li hija importanti diskussjoni nazzjonali biex ikun hawn pjan ta’ azzjoni dwar l-impatt tat-tibdil klima, Xandru Cassar saħaq li m’hemmx dubju li issa verament għandna l-aħħar ċans bħala umanità u bħala pajjiż biex nibdew nieħdu passi sostanzjali u sinifikanti biex intejbu il-qagħda tagħna fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u affarijiet oħrajn. Hu stqarr li “bla dubju, pass ta’ konferenza nazzjonali, li ġġib in-nies flimkien f’diskussjoni” huwa pass importanti għal pajjiżna.
Statistika riċenti turi li 19% tal-Maltin, jipifieri kważi wieħed minn kull ħamsa, jikkunsidraw it-tibdil tal-klima bħala l-iktar problema serja għall-umanità. Dan filwaqt li 85% ikkunsidrawa bħala problema serja. L-istatistika turi li fl-aħħar sena, tliet kwarti tal-Maltin u l-Għawdxin ħadu passi biex inaqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Skont din l-istatistika li ħarġet l-Unjoni Ewropea, 75% tal-Maltin li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li jemmnu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija responsabiltà tal-Gvern. Xandru Cassar spejga li din hija ferm għola mill-medja tal-UE u ferm għola mir-rata ta’ nies li ħasbu li dan huwa domniju tal-UE; “il-fatti juru li hemm għatx kbir biex in-nies jieħdu passi u biex jaraw il-gvern jieħu passi fit-tibdil fil-klima u naħseb li l-ewwel pass sinifikanti hija konferenza li tista’ twassal għal dibattitu u azzjoni serja.”
Iż-żagħżugħ Malti spjega li t-tibdil fil-klima se jbiddel kollox. Hu saħaq li dan l-effett diġa bdejna narawħ f’pajjiżna fejn fost l-oħrajn kelna nirien li ħakmu l-ftit art li għandna filwaqt li qed tkun innutata nixfa ikbar mis-soltu fl-għelieqi. Xandru Cassar saħaq li din il-problema se tkompli tigrava; “il-livell ta’ l-ilma tal-baħar se jogħla, se jkun hawn problemi fl-agrikoltura, problemi ekonomiċi. Kollox huwa marbut ma’ kollox. Jekk naħsbu li hawn xi ħaġa fil-pajjiż li huwa protett mit-tibdil fil-klima assulutament mhux minnu. Kull qasam tal-ekonomija u tas-soċjeta qed jiffaċċja riskju kbir li forsi mhux jidher b’mod evidenti llum imma l-impatt diġa beda jinħass anke fuq is-saħħa tagħna, l-ekonomija u l-imigrazzjoni fost l-oħrajn”
Il-PN minn dejjem ta importanza assoluta lill-ambjent u t-tibdil fil-klima. Filfatt, fl-1988, Gvern Nazzjonalista ħadem biex Malta tkun l-ewwel pajjiż li formalment resqet il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima fl-aġenda politika waqt it-43 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan irriżulta fl-adozzjoni unanima mill-Assemblea Ġenerali, fis-6 ta’ Diċembru 1988, tar-Riżoluzzjoni dwar il-“Protezzjoni tal-Klima Globali għall-Ġenerazzjonijiet Preżenti u Futuri tal-Umanità”.
Minn dik l-inizjattiva tal-PN, pajjiżna dejjem kellu rwol dinamiku biex jiżgura li t-tibdil fil-klima tibqa’ kwistjoni ta’ importanza globali. F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kelliem ewlieni tal-PN Peter Agius, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar flimkien mal-President tal-MZPN Gabriel Micallef u l-kandidat Bernice Bonello, il-PN tkellem fuq id-diversi proposti li għandu għal dan is-settur. Dan filwaqt li fakkar kif sentejn ilu il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fil-Parlament dwar din l-emerġenza fil-klima, li sabet l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ organizazzjonijiet taż-żgħażagħ.
//= $special ?>