Raġel Britanniku ta’ 57 sena spiċċa arrestat fl-inħawi ta’ Potsdam – barra Berlin – fuq suspett li kien qed jaġixxi bħala spjun għar-Russja.
Il-prosekuturi federali tal-Ġermanja qalu biss li r-raġel, ‘David S’, kien jaħdem mal-ambaxxata Britannika f’Berlin u li hu, allegatament, għadda ‘talanqas darba’ xi dokumenti partikulari lis-servizzi sigrieti Russi għal somma flus li ma kenitx stipulata.
Fl-aħħar sigħat saret tfittxija intensiva tar-residenza u l-post tax-xogħol ta’ dan is-suspettat fost rapporti li l-awtoritajiet f’Berlin qegħdin jitrattaw il-każ b’serjetà kbira. Kelliema għall-Gvern Ġermaniż qalu wkoll li ‘ma jaċċettawx sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż alleat jissieħeb f’attivitajiet bħal dawn fit-territorju tal-Ġermanja’.
L-arrest, intant, sar possibbli wara investigazzjoni konġunta min-naħa tas-servizzi sigrieti tal-Ġermanja u r-Renju Unit – b’din l-inkjesta tieħu fit-tul ħafna. Intant, l-aġenti tal-M15 u ta’ aġenziji oħra Britanniċi kollaboraw mal-awtoritajiet Ġermaniżi biex isiru jafu kemm jistgħu dwar is-suspettat spjunaġġ.
//= $special ?>