Lokali Saħħa

Ikomplu d-direttivi mill-MUMN fiċ-Ċentri tas-Saħħa

Ikomplu d-direttivi mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN fiċ-Ċentri tas-Saħħa hekk kif s’issa għad ma kienx hemm qbil fuq is-servizz li qed jingħata f’dawn iċ-ċentri.

Id-direttivi bdew hekk kif l-MUMN saħqet li għandu jerġa’ jibda l-proċess magħruf bħala triage (il-proċess ta’ kif il-pazjenti jiġi maqsuma skont il-ħtiġijiet li jkollhom).

L-ittra, mibgħuta fit-3 ta’ Awwissu tgħid li l-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa primarja rrikorrew għal sistema ta’ ‘triaging’ li mhux qed tiffunzjoni kif kien pjanat għax spiċċat twaqqfet… sistema li suppost kellha tipproteġi lill-infermiera u l-qwiebel fiċ-ċentri tas-saħħa.

Minbarra d-direttivi biex l-infermiera ma jiħdux demm u li ma jieħdux appuntatment għal ‘kliniċi speċjali’, hemm ukoll id-derettiva li twaqqfu wkoll l-appuntamenti tat-trabi ta’ 18-il xahar u l-konsultazzjonijiet ta’ wara t-twelid.

It-tneħħija tal-punti issa jista’ jsir biss bejn l-għaxra u l-ħdax ta’ filgħodu, il-gynae clinics se jitwaqqfu filwaqt li t-tibdil tad-dressings u l-follow-ups se jsiru biss mll-għaxra sa nofsinhar.

Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-pazjenti li jżuru ċ-ċentri tas-saħħa kien qed isirulhom mistoqsijiet sempliċi biex jiżguraw li dawk b’sintomi tal-COVID ma jitħalltux ma’ oħrajn. Sa ftit ilu, it-tobba kienu qed jagħmlu dawn il-mistoqsijiet wara li l-MUMN kienet oġġezzjonat li l-infermiera jagħtu dan is-servizz iżda issa dan il-proċess waqaf, għalhekk l-MUMN qed tappella biex dan is-servizz jerġa’ jidħol fis-seħħ.

Jidher li dan kollu qed joħloq diżgwid bejn it-tobba u l-infermiera hekk kif dan l-aġir tal-Union qed iwassal biex l-infermiera ma jiħdux ordnijiet mingħand it-tobba b’detriment għas-saħħa tal-pazjenti.