Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li ma jiddispjaċihx li ddeċieda biex jirtira lill-kontinġenti militari ta’ pajjiżu mill-Afganistan. Dan meta l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban, bħalissa, qegħdin ikomplu bl-avvanzi rapidi fl-Afganistan – fost il-ħtif ta’ territorji minn idejn il-qawwiet tal-Gvern Afgan.
Sadanittant, il-President Biden ħeġġeġ biex il-mexxejja tal-Afganistan jingħaqdu ‘u jiġġieldu b’determinazzjoni akbar minn qabel għall-futur ta’ pajjiżhom’.
L-Istati Uniti, fl-aħħar xhur tal-2001, kienet bdiet kampanja militari intensiva fl-Afganistan wara li t-Taliban – li dak iż-żmien kienu jikkontrollaw il-pajjiż — għenu lit-terroristi tal-al-Qaeda biex iwettqu l-attakki storiċi fuq il-‘landmarks’ ewlenin tal-ibliet Amerikani, fil-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena.
Il-qawwiet ta’ koalizzjoni militari multinazzjonali – taħt it-tmexxija tal-Amerikani – minn dakinar damu s-snin irażżnu lit-Talibani fid-diversi bliet tal-Afganistan, iżda fl-aħħar ġimgħat it-Talibani rnexxielhom jisfruttaw in-nuqqas ta’ ħafna truppi barranin li kienu ordnati lura pajjiżhom.
Fil-fatt, il-ġellieda tat-Taliban sallum ħatfu disa’ fost l-34 belt kapitali tal-provinċji Afgani waqt li qegħdin jheddu li jieħdu aktar bliet strateġiċi taħt idejhom.
Sadanittant, meta tkellem fil-White House ta’ Washington, Joe Biden qal li l-Istati Uniti qed iżomm il-wiegħdiet li għamlet lill-Afganistan. L-impenji tal-Amerikani jinvolvu appoġġ mill-qawwiet tal-ajru għat-truppi Afgani, bl-Istati Uniti anki qed tħallas is-salarji tal-militar Afgani, minbarra li tipprovdi lill-qawwiet tal-Afganistan bl-ikel u t-tagħmir neċessarju.
Madankollu, il-President Biden issa għamilha ċara li l-Gvern u l-poplu Afgan ‘iridu jiġġieldu għalihom, għal familthom u l-futur tal-Afganistan’, bit-theddida tat-Talibani qed issir dejjem aktar akuta.
Is-sitwazzjoni hi tant li l-belt ta’ Kabul – il-kapitali tal-Afganistan – kapaċi taqa’ f’idejn it-Talibani ‘sa tliet xhur oħra’, skont l-aħħar evalwazzjonijiet tal-militar Amerikan.
Fl-aħħar xahar – u skont in-Nazzjonijiet Uniti — inqatlu ‘il fuq minn 1,000 ċivili fil-ġlieda qalil bejn it-Talibani u l-qawwiet tal-Gvern Afgan.
Fl-istess ħin, l-aġenzija tat-tfal tan-NU – l-UNICEF – wissiet li l-atroċitajiet li għaddejjin bħalissa kontra t-tfal fl-Afganistan qegħdin jiżdiedu minn ġurnata għall-oħra.
L-aħħar suċċessi militari għat-Talibani jinkludu t-trijonfi fl-inħawi ta’ Faizabad, Farah u Pul-e-Khumri – tliet kapitali provinċjali li spiċċaw f’idejn il-militanti fi żmien 24 siegħa,.
Anki l-belt ewlenija ta’ Kunduz – lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż – spiċċat f’idejn it-Talibani u meta l-belt isservi bħala lokalità ta’ importanza kbira strateġika viċin il-fruntiera tal-pajjiż mat-Taġikistan.
Fl-aħħar sigħat kompla l-ġlied qalil f’diversi bnadi tal-Afganistan, bl-ajruplani tal-gwerra tal-Amerikani u l-Gvern Afgan jibbumbardjaw il-pożizzjonijiet tat-Talibani.
Dan meta eluf kbar ta’ Afgani kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom fl-aħħar jiem – bit-Talibani jiċħdu s-sejħiet għal waqfien mill-ġlied min-naħa tal-komunità internazzjonali.
//= $special ?>