Lokali

“Martirju” biex toħroġ mis-Siġġiewi

Diversi residenti u persuni li jgħaddu mill-akwati tas-Siġġiewi jinsabu ferm urtati bis-sitwazzjoni li nħolqot minħabba nuqqas ta’ pjanar fix-xogħol li qed isir fit-toroq tal-madwar.

Kif jixhdu dawn il-filmati u r-ritratti ta’ Net News, erbgħa mill-ħames entraturi prinċipali li jagħtu lejn is-Siġġiewi qed ikunu regolarment magħluqa jew b’aċċess limitat – Triq l-Imqabba, iż-żona ta’ Kandja, Triq it-Tiġrija, Triq Għajn il-Kbira u Triq Lapsi jinsabu bix-xogħol għaddej fuqhom fl-istess ħin.

Persuni li tkellmu ma dan l-istazzjon saħqu li mhux aċċettabbli li biex toħroġ mis-Siġġiewi, filgħodu, iddum aktar minn 30 minuta biex tasal f’lokalitajiet qrib. Oħrajn li b’mod regolari jgħaddu minn dawn it-toroq qalulna li “t-traffiku sar xi ħaġa tal-biżgħa u dan kollu għaliex pjanar u sens komuni ma jeżistix.”

Filwaqt li qed isir dan it-taħwid kollu fit-toroq, ir-residenti qed jibqgħu fid-dlam, għaliex ħadd mhu jinfurmahom meta dawn it-toroq ikunu se jingħalqu. Dan filwaqt li għal xi raġuni, il-maġġorparti tax-xogħol qed isir f’ħinijiet fejn it-traffiku jkun fl-agħar tiegħu…apparti n-nuqqas ta’ uffiċjali tat-traffiku biex jgħinu fil-kontroll tas-sitwazzjoni.

Intant, ir-residenti jinsabu wkoll dizappuntati ferm li meta jitlesta x-xogħol, qed jitħalla ħafna trab fit-toroq. Oħrajn esprimew il-frustrazzjoni tagħhom fuq il-media soċjali għan-nuqqas evidenti ta’ pjanar – min saħaq li qed ngħixu f’ġungla u oħrajn jgħidu li qed iħossuhom kontinwament jgħixu f’sit ta’ kostruzzjoni.

Il-kunsillieri tal-PN fis-Siġġiewi, filwaqt li jifhmu l-importanza ta’ dan ix-xoghol, qed jinsistu biex ikun hemm pjanar aħjar u li l-Gvern jisma’ lir-residenti.