Lokali

Miriam Dalli se tikkontesta l-11-il distrett – aħbar li nislet għadab fost il-kandidati Laburisti

Rabja kbira fil-11-il distrett elettorali fost il-kandidati Laburisti hekk kif l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista bil-mexxej Robert Abela imponew fuq dan id-distrett bħala kandidata lill-Ministru Miriam Dalli.

Dik li sa ftit ilu kienet qlajja kienet ikkonfermata mill-Ministru Miriam Dalli stess meta bagħtet fuljett fid-distrett tisħaq li se tikkontesta dan id-distrett għaliex hi tista’ tagħti aktar lil-lokalitajiet li jifformaw dan id-distrett.

Dan kollu nissel rabja kbira fost il-kandidati Laburisti li jikkontestaw dan id-distrett li ħassew li din il-mossa hi waħda ta’ sfiduċja fihom minn Robert Abela u t-tmexxija tal-Partit Laburista.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif fost oħrajn hemm rabja kbira mill-kandidat Romilda Zarb, li hi wkoll is-Sindku preżenti tal-Mosta. F’dawn l-aħħar ġimgħat Romilda Zarb bdiet taħdem mhux ftit fil-kampanja tagħha għall-elezzjoni ġenerali, tant li fetħet uffiċċju ġdid u bdiet tiffoka ħafna aktar fuq il-kampanja tagħha fil-11-il distrett.

Kandidat ieħor li ħa din il-kandidatur bi kbira hu Anthony Agius Decelis. Nies li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw li din l-aħbar kompliet turta lil Agius Decelis wara li Robert Abela fis-sena 2020 warbu wkoll mill-kabinett. B’Agius Decelis kien qed jittama fl-elezzjoni li ġejja biex juri lit-tmexxija Laburista li minkejja li kien twarrab kien għad għandu l-fiduċja tal-votanti.

Għalkemm għadha mhux ċara r-reazzjoni ta’ kandidati oħra tal-istess distrett, huwa evidenti li din il-kandidatura ma ntlaqgħet xejn tajjeb u kompliet tnissel firda bejn il-kandidati Laburisti. B’nies qrib kandidati partikolari jirreferu wkoll għad-diżastru li qed twettaq Miriam Dalli anke fis-settur tal-enerġija minħabba episodji twal ta’ qtugħ ta’ dawl madwar Malta u Għawdex kollha.