Sport Waterpolo

Rebħiet kbar għal San Ġiljan u Neptunes … Sirens jerġgħu jitilgħu fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY………… 23

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……….. 6

(5-1), (5-0), (10-2), (3-3)

Ebda ħniena miċ-champions San Ġiljan Mercury Towers fil-konfront ta’ Birżebbuġa Freeport. Logħba bla storja li fiha l-Ġiljaniżi ddominaw u Birżebbuġa ma setgħu jagħmlu xejn biex irażżnu l-furja tal-avversarji.

L-uniku mument li San Ġiljan ma kinux fil-vantaġġ kien fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni meta Neil Cassar ġab id-draw wara l-gowl inizjali ta’ Matthew Zammit. Minn hemm il-Ġiljaniżi bnew vantaġġ ta’ 5-1 sa tmiem is-sessjoni, b’Matthew Zammit jirnexxilu jiskorja tripletta. Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan aċċertaw mir-rebħa b’ħames gowls mingħajr risposta, liema gowls waslu minn ħames plejers differenti.

Minkejja d-distakk, it-tim ta’ Dorian Pisani baqa’ jiskorja kemm felaħ b’għaxar gowls f’sessjoni biss. Il-gowls waslu minn tripletta ta’ Dino Zammit, doppjetti ta’ Matthew Zammit, Jake Bonavia u gowl kull wieħed għal Ben Plumpton, Andreas Galea u Darren Zammit. Fl-aħħar sessjoni, Pisani ta aktar spazju liż-żgħażagħ fit-tim, bit-tim ta’ Birżebbuġa jwieġeb kull darba għat-tliet gowls Ġiljaniżi permezz ta’ Julian Farrugia u doppjetta ta’ David Pace Lupi.

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra (1), A. Galea (3), D. Fero, R. Caruana (1), M. Zammit (5), B. Plumpton (2), J. Bonavia (4), D. Ciantar, Da. Zammit (2), K. Galea, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva (1)

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (2), N. Cassar (1), D. Pace Lupi (2), D. Incorvaja, P. Serracino, S. Vassallo, D. Cutajar, M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri (1), S. Fava, L. Abela

Referees: Ronnie Spiteri, Fabio Brasiliano

NEPTUNES……………………….. 17

VALLETTA IZIBET………………. 7

(7-1), (3-2), (4-2), (3-2)

L-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat Neptunes żammew il-kmand tal-klassifika b’rebħa faċli. Il-konfront tal-ewwel rawnd kien ftit aktar bilanċjat, iżda Neptunes ħolqu livell għoli mill-bidu tal-partita. Sal-ewwel ħames minuti tal-konfront, Neptunes kellhom diġà vantaġġ ta’ 5-1 b’Michael Spiteri Staines jiskorja tripletta. Sam Gialanze żied il-vantaġġ għal sitt gowls b’doppjetta fl-aħħar nofs minuta.

Dan id-distakk wassal biex tellef ir-ritmu tal-logħba. Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl fit-tieni sessjoni u wara li Miguel Zammit u Niki Lanzon naqqsu d-distakk, Neptunes skorjaw darbtejn oħra. Il-vantaġġ ta’ Neptunes kompla jimmatura fit-tielet sessjoni, b’Stevie Camilleri jiskorja tripletta fil-proċess. L-aħħar sessjoni kienet formalità, b’Neptunes jibqgħu jikkontrollaw il-logħba sat-tmiem.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace (2), M. Castillo, J. Spiteri Staines (1), S. Camilleri (5), J. Camilleri, J. Abela (1), M. Spiteri Staines (3), A. Fenech, S. Gialanze (1), A. Bugeja, J. Cachia, R. Galea (1)

Valletta: R. Sciortino, P. Borg, E. Aquilina, M. Stellini, A. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (4), N. Zammit (1), N. Lanzon (1), B. Muscat, K. Tanti (1), M. Mannino

Referees: Alex de Raffaele, Massimiliano Sponza

SIRENS MECCA MARIN………… 12

MARSAXLOKK BROWN’S……… 4

(4-1), (2-0), (4-2), (2-1)

Sirens Mecca Marin reġgħu telgħu fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni. It-tliet punti kienu imperattiv għat-tim ta’ Marko Orlovic, speċjalment wara li kienu żelqu kontra Ta’ Xbiex qabel tmiem l-ewwel rawnd. Gianni Farrugia minn man-up u Matthias Azzopardi taw vantaġġ doppju lil Sirens. Matteo Martellacci naqqas id-distakk iżda John Napier u Gabriel Melillo kabbru l-vantaġġ għal 4-1.

Dawn il-gowls servew ta’ pjattaforma biex Sirens setgħu jamministraw il-logħba. Napier u Isaiah Riolo għenu lil Sirens biex jidħlu jistrieħu 6-1. Doppjetta ta’ Jerome Zerafa Gregory fil-bidu tat-tielet sessjoni aċċertat it-tliet punti għal Sirens. Għall-kumplament tal-logħba, Sirens ikkontrollaw il-konfront, b’Marsaxlokk jipprovaw biss jevitaw telfa akbar.

Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech, K. Erdogan, J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (3), G. Farrugia (1), M. Sciberras (1), I. Riolo (1), J. Napier (3), G. Melillo (1), L. Caruana, M. Azzopardi (2), O. Gauci

Marsaxlokk: B. Busuttil, S. Stellini, M. Pace (1), M. Martellacci (1), T. Agius, L. Saliba, J. Galea, K. Cremona, Z. Micallef, R. Scerri, M. Cacici, J. Portelli, F. Buhagiar, L. Mallia (1), S. Busuttil (1)

Referees: Peter Balzan, Fabio Brasiliano