Internazzjonali

Renju Unit: Il-Prinċep Andrew ‘ma jistax jinjora’ lill-qrati

Qed tiżdied dejjem aktar il-pressjoni fuq il-Prinċep Andrew, id-Duka ta’ York, biex iwieġeb dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali f’każ li tressaq il-qorti fl-Istati Uniti.

U għalkemm il-Prinċep kompla jiċħad l-allegazzjonijiet, l-avukat li qed jirrappreżenta mara li akkużat direttament lil Andrew dwar abbuż għamilha ċara li ‘id-Duka ta’ York jeħtieġ jiffaċċja r-realtà aktar milli  jkompli jistaħba wara l-ħitan tal-palazz’.

Il-mara – bl-isem Virginia Giuffre —  li ressqet il-kawża ċivili kontra l-Prinċep fi New York qed tallega li Andrew kien aggrediha sesswalment meta hi kien għad għandha 17-il sena. U David Boies, bħala l-avukat ta’ Giuffre, insista li l-Prinċep Andrew jippermetti biex il-ġuri jiddeċiedi eżattament x’kien seħħ f’dak iż-żmien.

Min-naħa tiegħu, id-Duka ta’ York qed jirrifjuta kull allegazzjoni, bis-sorsi qrib tiegħu ma jridux jikkummentaw dwar il-kawża ċivili.

L-avukat Boises qal li Virgina Giuffre ippruvat kulma tista’ biex id-Duka jagħti l-versjoni preċiża u veritiera ta’ x’seħħ tassew filwaqt li insistiet ‘biex il-provi  marbutin mal-każ ikunu preżentati quddiem imħallef u ġuri.’

Il-Prinċep Andrew kien ħabib kbir ta’ Jeffrey Epstein, il-finanzjatur Amerikan li ftit snin ilu spiċċa akkużat dwar diversi reati sesswali – inkluż it-traffikar tan-nisa u abbuż ta’ tfajliet minorenni. Fil-fatt, Virginia Giuffre hi fost in-nisa li akkużaw lil Epstein għall-aġir tiegħu.

Hu fatt stabbilit li Epstein – li kien jattendi l-attivitajiet soċjali esklussivi flimkien mal-Prinċep Andrew u li kellu wkoll rabtiet ma’ persuni ċelebri, politiċi u membri tal-familji rjali – kien spiċċa arrestat b’konnessjoni mal-imsemmija reati matul is-sajf tal-2019. U għalkemm Epstein kien neħħa ħajtu f’ċella ta’ ħabs, għad fadal id-domandi dwar ħajtu – minbarra l-allegazzjonijiet dwar is-sehem potenzjali ta’ Andrew fir-reati konnessi mal-finanzjatur.