Basketball Sport

Tasal it-tieni rebħa għal Malta

Malta – Ġibilta’ 89-63

(29-17, 14-17, 24-15, 22-14)

Malta: J. Zammit 4, D. Bugeja 10, A. Felice Pace 2, P.Shoults 7, M. Scerri, N. Xuereb 1, A. Falzon 38, I. Felice Pace, T. Falzon 9, K. Xuereb, K. Cassar 18, P. Engelbert

Malta kisbet it-tieni rebħa fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-żgħar li qed issir f’Dublin l-Irlanda meta għelbet lil Ġibilta’ 89-63, vantaġġ kondu ta’ 26 punt. Għal Malta din kienet it-tieni rebħa wara li fid-debutt tat-Tlieta Malta għelbet lil San Marino 96-65.

Il-logħba kellha andament identiku bħal l-ewwel konfront kontra San Marino bil-Maltin ikollhom bidu tajjeb fl-ewwel għaxar minuti fejn fetħu vantaġġ tajjeb ta’ għaxar punti.

L-istess kif ġara kontra San Marino il-Maltin tilfu t-tieni frazzjoni bi skor marġinali ta’ tliet punti biex Ġibilta’ baqgħu fil-logħba.

Iżda bħal ma ġara fl-ewwel logħba l-maltin kabbru l-vantaġġ kemm fit-tielet kif ukoll fir-raba’ frazzjoni biex il-Maltin kisbu rebħa komda u issa tista’ tgħid li diġa’ jinsabu fiż-żona midalji, fejn jidher li l-ikbar theddida għal Malta se tiħi mill-Irlanda li fl-ewwel ħarġa tagħhom għelbu lil Andorra.

Għal Malta reġa’ spikka Aaron Falzon fejn wara li għamel 32 punt fl-ewwel logħba kontra San Marino, kompla tejjeb fuq dan meta l-bieraħ kontra Ġibilta’ għamel total ta’ 38 punt. L-aħjar skor wara Aron Falzon inkiseb minn Kurt Cassar li għamel total ta’ 18-il punt.It-tim Malti issa għandu jumejn mistrieħ qabel l-aħħar żewġ appuntamenti determinanti għall-klassifika finali, fejn is-Sibt Malta tilgħab kontra Andorra u l-Ħadd ittemm l-impenji tagħha bil-logħba kontra l-Irlanda.