Lokali

“Żgur li ħadd minna ma jiftakar sena bħal dik tal-2020” – George Vella waqt l-AGM tal-MCCFF

“Żgur li ħadd minna ma jiftakar sena bħal dik tal-2020… Wieħed jispera li dak li għaddejna minnu isir biss memorja kerha u ma nerġgħux ngħaddu minnu” – Kien dan il-messaġġ tal-President George Vella fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Community Chest Fund Foundation li fiha ngħataw dettalji dwar id-dħul u l-ħruġ finanzjarju ta’ din il-fondazzjoni għas-sena 2020.

Il-President ta’ Malta appella lil kulħadd biex ma jaħsibx biss fil-pandemija tal-COVID-19 iżda jiftakar li madwarna għad hemm problemi ta’ mard serju ieħor, mard li jirrikjedi kura li tiswa ħafna flus. Hawnhekk spjega kif il-mediċini tal-kanċer iqumu mal-120,000 fis-sena għal kull pazjent, spiża li kompliet tikber anke għaliex żdiedu l-pazjenti u għaliex b’xorti tajba, l-avvanzi li saru qed iwasslu biex aktar persuni jgħixu ħajja itwal anke jekk ikunu fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Filfatt, kien spjegat kif fl-2015 in-nefqa f’dawn it-tip ta’ mediċini ammontat taħt il-miljun Ewro u f’temp ta’ ħames snin biss telgħet għal aktar minn 14-il miljun Ewro fis-sena. In-nefqa tal-Community Chest Fund għas-sena li għaddiet ammontat għal 13.9 miljun Ewro f’apparat mediku u mediċina kif ukoll aktar minn 210,000 Ewro fi spejjeż ta’ vjaġġar għal trattament barra minn xtutna.

Meta ingħataw dettalji dwar in-nefqa u d-dħul, il-Community Chest Fund għamlet qliegħ ta’ ftit aktar minn 1.3 miljun Ewro sal-31 ta’ Diċembru tal-2020. Din iċ-ċifra tinkludi fiha l-Istrina u attivitajiet oħrajn li saru matul is-sena qabel ġew ristretti jieqfu minħabba l-pandemija.