Internazzjonali

Afganistan: Ikomplu jaqgħu l-ibliet lit-Talibani

epa03034552 A picture made available on 15 December 2011 shows masked Pakistani Taliban militants during exercises in lawless Pakistan-Afghanistan border area of Laddah in South Wazirsitan tribal agency, Pakistan, 11 December 2011. Reports state that Pakistan is under intense pressure to eliminate sanctuaries of Taliban and al-Qaeda fighters in its tribal region, as militants respond by intensifying attacks on security and government installations across the country. EPA/SAOOD REHMAN *** Local Caption *** 50145941

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban qed ikomplu bis-suċċessi militari u fl-aħħar sigħat ħadu f’idejhom anki l-belt ta’ Ghazni, li għandha importanza strateġika partikulari. Fil-fatt, il-belt hi l-għaxar kapitali provinċjali li waqgħet f’idejn it-Talibani f’anqas minn ġimgħa – bil-qawwiet tas-sigurtà tal-Gvern Afgan jarrestaw lill-Gvernatur ta’ Ghazni u l-Viċi-Gvernatur tiegħu wara li huma kienu ħarbu mill-inħawi.

Il-belt ta’ Ghazni isservi bħala ‘konnessjoni’ bejn Kandahar u l-kapitali Kabul u l-fatt li l-militanti qegħdin jikkonsolidaw posthom f’din il-belt x’aktarx li jfisser li t-Talibani jistgħu dalwaqt jiftħu offensiva kbira fuq il-belt kapitali tal-Afganistan. Kważi terz fost l-ibliet kapitali tal-34 provinċji Afgani llum spiċċaw taħt il-kontroll tat-Taliban – meta l-militanti mhumiex jitilfu ħin biex jaħtfu dejjem aktar artijiet lill-qawwiet tal-Gvern Afgan li jidhru demoralizzati għall-aħħar.

Is-sigurtà tal-Afganistan, intant, qed tiffaċċja kriżi wara l-oħra mindu l-Istati Uniti u pajjiżi oħra tal-koalizzjoni deċidew li jirtiraw it-truppi tagħhom mill-pajjiż wara missjoni militari li damet għal għoxrin sena.

L-aħħar rapporti rreferew ukoll għal ġlied qalil bejn il-qawwiet Afgani u t-Talibani f’Kandahar. Filwaqt li d-dettalji mill-inħawi kienu xi ftit konfużi, qed jidher li l-militanti Iżlamiċi jistgħu huma qrib li jirreġistraw suċċess militari ieħor – din id-darba fil-belt ta’ Lashkar Gah, il-kapitali tal-provinċja ta’ Helmand, lejn in-nofsinar tal-Afganistan.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, inqatlu ‘il fuq minn 1,000 ċivili fl-Afganistan matul l-aħħar xahar ta’ vjolenza u taqlib kontinwu.