Lokali Qorti

Aktar provi fuq żewġt irġiel mixlija bil-qtil doppju f’Tas-Sliema

Hekk kif b’mod separat il-Qorti kompliet tisma’ il-ġbir tal-provi fil-konfront ta’ Victor Dragomansik u Jesper Christiansen mixlijin bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski fit-18 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra f’Tas-Sliema, waqt is-seduta, l-istess Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud żammet minuta silenzju b’tifkira tal-11-il anniversarju mill-mewt tal-eks President ta’ Malta il-Professur Guido Demarco.

Fil-kumpilazzjoni ta’ Victor Dragomanski, li qed jiġi difiż mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb, l-ewwel xhud kien Francesco Zampa, li eżamina l-valur tad-deheb li ttieħed mid-dar tal-vittmi. Tenna li fit-18 ta’ Awwissu, 2020, meta huwa għamel il-valutazzjoni tiegħu il-prezz tad-deheb kien fl-għola valur tiegħu fejn kien stamt li jiswa €119,228 fejn dan sa ftit qabel kien ta’ €106,000.

Xhud ieħor kien Robbie Calarco, li qal li għandu Cafeteria fl-Imsida, li jisimha Dolce Sicilia, u li huwa jaħdem ukoll fil-kostruzzjoni. Tenna li kienet saret talba mill-Pulizija biex jeżaminaw xi filmati mis-CCTV tiegħu u qal li ma jiftakarx meta saret din it-talba.

Ix-xhud qal li Angelo Bucalo, li jaħdem miegħu ma kellu ebda involviment f’dan kollu għax meta l-Pulizija riedet il-filmat huwa kien Sqallija. Calarco qal li kien l-Pulizija stess li ħadu l-filmati mis-CCTV. Fil-kumpilazzjoni ta’ Jesper Christiansen, li għalih qed jidher l-Avukat Stefano Filletti xehedu bl-istess mod Francesco Zampa u Robbie Calarco.

Wara xehed ukoll Lassie Jakobsen li qal li ilu jgħix Malta madwar 10 snin iżda mhux b’mod permanenti, fejn daqqa jkun Malta u daqqa le. Tenna li f’Awwissu tal-2020 kien Malta. “Il-Pulizija ġew għandi u kienu qed ifittxu lil Jesper u jien urejthom fejn kien jgħix. Naf dan permezz tal-impjieg preċedenti tiegħi f’kumpanija tal-Gaming.

“Kelli dettalji tal-kuntatt ta’ Jesper u tajthom lill-Pulizija, whatsapp u snapchat, kelli tiegħu. Kelli wkoll n-numru tat-telefon tiegħu li ma niftakrux izda.” Ix-xhud hawn waqaf u beda jfittxu fuq il-mobajl tiegħu u wara li sabu għaddiħ lill-Qorti u kompla jgħid, “il-Pulizija wrewli ritratti iżda ritratti li qed jurini issa fil-Qorti ma niftakarx li kienu urewhomli”, qal Jakobsen.

Wara xehed is-Supretendent James Grech, li ppreżenta lill-Qorti korrispondenza bl-email u dokumenti mibgħuta minn Revolut. Qal li saret talba lil Revolut u kienu qed isiru talbiet lill-kumpanija dwar ħlas lil Bolt minn Jesper Christiansen.
Ix-xhud qal li kien ingħata ritratti tal-akkużat, dettalji tal-passaport, dettalji tal-konferma tal-card, li huwa kien bagħat lill-KYC tar-Revolut.

Il-vittmi tal-omiċidju, t-tabib Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker, meta kienu sparati lejhom tiri ta’ arma tan-nar. B’dan il-qtil doppju qed jiġi akkużat ukoll Daniel Muka, Albaniż ta’ 26 sena, li jinsab għaddej proċeduri quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Dragomanski ta’ 37 sena, huwa mill-Maċedonja u li jaħdem bħala ‘bouncer’, Muka ma kellux impieg u Jesper Kristiansen, huwa Daniż ta’ 31 sena kien jaħdem fis-settur tal-gaming. L-Avukat Joe Giglio qed jidher f’isem il-vittmi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon.

Sadanittant il-Maġistrat Joe Mifsud sellem il-memorja tal-Professur Guido Demarco billi fakkar ukoll li kien il-mibki President Emeritus Guido Demarco li ħajjru biex jibda l-kors tal-liġi. Il-Maġistrat fakkar ukoll illi ħafna mill-operaturi fil-Qorti, kollha gawdew mill-għerf tiegħu, bit-tagħlim li kien jipprovdilhom fl-Università ta’ Malta. Il-kumpilazzjonijiet fil-konfront ta’ Dragomanski u Kristiansen se jkomplu fit-23 ta’ Settembru li ġej.