Lokali

Clayton Bartolo kunfidenti li qed jagħmel biċċa xogħol tajba

Wara li sar magħruf li l-Maltin ħarġu €300,000 biex jintbagħtu lura l-istudenti tal-Ingliż li ngħataw €300,000 oħra biex inħajruhom jiġu f’pajjiżna, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo jibqa’ kunfidenti li qed jagħmel biċċa xogħol tajba bħala Ministru responsabbli mit-Turiżmu f’pajjiżna.

Filfatt mistoqsji kiemm iħossu kunfidenti li qed jagħmel biċċa xogħol tajba fit-turiżmu, Bartolo wieġeb “ħafna”.

Il-Ministru Bartolo kien waħdu responsabbli għad-deċizjoni li jinċentiva settur ta’ turisti mhux imlaqqma billi ta €300 lil kull student li ried jiġi Malta biex jistudja l-Ingliż dan is-sajf, meta pajjiżna kien qed jagħmel sforzi kbar biex ilaqqam lill-poplu kollu sabiex jipproteġih mill-virus tal-Covid. Skema li swiet tal-anqas €600,000 mit-taxxi taghna, u li ħallitilna  eluf ta’ każi ġodda tal-virus

Mal-wasla tal-istudenti f’Malta reġgħu splodew il-każi ġodda tal-Covid f’pajjiżna, biex imbagħad wara din id-deċiżjoni ħażina tal-Ministru Bartolo, sar dak illi kellu jsir b’mod sensibbli mil-ewwel, u ġie deċiż li jkunu aċċettati biss f’pajjiżna turisti li huma mlaqqma.

Madankollu, l-Ministru m’għandu l-ebda ndiema għad-deċiżjoni li kien ħa – riflessjoni tal-iżballji kbar li saru, anke matul is-Sajf li għadda. Hu qalilna li d-deċiżjoni li jkunu inċentivati dawn l-istudenti u mhux faxxa differenti ta’ turisti ittieħdet ‘għax ridna li s-setturi kollha tat-turiżmu jirkupraw’.

Id-deċiżjoni mingħajr ħsieb u li tixhed l-inesperjenza  ta’ Bartolo fis-settur wasslet biex ħafna setturi, inkluż dak tal-iskejjel tal-Ingliż infushom ibatu huma stess il-konsegwenzi finanzjarji.

Iżda quddiem dan kollu Bartolo jibqa’ jitbissem, anke meta mfakkar li hu kien jaf li dawn l-istudenti li kien qed jinċentica ma kinux imlaqqma.

Clayton Bartolo mhux l-ewwel Ministru tat-Turiżmu fil-Gvern ta’ Robert Abela li għamel żball irreparabbli – Ministri li ħallew impatt negattiv ferm fuq il-qasam turistiku f’pajjiżna, hekk kif sena qablu, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, li aktar tard tneżżgħet minn dan id-dekasteru, kienet iddeċidiet li tuża ‘mechanisms’ li wkoll kellhom effetti devastanti fuq dan il-qasam.