Internazzjonali

Covid-19 : Lockdown immedjat fil-kapitali tal-Awstralja…bil-fruntieri ta’ New Zealand se jibqgħu magħluqin sal-aħħar tas-sena

Il-belt ta’ Canberra – il-kapitali tal-Awstralja — daħlet fi stat ta’ lockdown effettiv għal ġimgħa wara li l-ewwel każ tal-Covid-19 kien irreġistrat fl-inħawi wara aktar minn sena. Il-lockdown sar effettiv kważi mal-ewwel, b’din il-miżura tissejjaħ ghaz-zona sħiħa tal-Australian Capital Territory, fejn qed jgħixu mal-400,000 ruħ, peress li l-awtoritajiet ma jafux kif il-persuna infettata qabditha l-virus.

Għaldaqstant, ir-residenti li jeħtieġu jirrispettaw il-lockdown ma jistgħux joħorġu minn djarhom ħlief għal raġunijiet essenzjali. Intant, fis-sigħat qabel il-lockdown, kienu nġemgħu sriebet twal ta’ nies quddiem is-supermarkets biex jixtru l-aktar affarijiet bżonnjużi.

L-awtoritajiet fl-Awstralja, fil-preżent, qegħdin jissieltu biex irażżnu l-firxa tal-varjant ‘Delta’ tal-coronavirus u li minħabba fih, l-ibliet prinċipali ta’ Sydney u Melbourne ukoll qegħdin josservaw stat riġidu ta’ lockdown.

Sadanittant, il-ħajja tinsab ristretta f’diversi bnadi ta’ New South Wales minħabba l-kundizzjonijiet tal-lockdown. Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li l-awtoritajiet kapaċi jingaġġaw ir-reinforzi militari biex jaċċertaw li r-residenti f’Sydney qegħdin jobdu d-direttivi tas-sigurtà relattati mal-kriżi tas-saħħa.

Dan meta mas-600 element tal-Armata diġà qed jassistu lill-pulizija biex jinfurzaw id-direttivi ta’ kwarantina fiz-zoni ta’ Sydney.

Filwaqt li l-Awstralja, fl-aħħar xhur, issemmiet fost il-pajjiżi li kisbu l-akbar suċċess fit-tentattivi lejn it-trażżin tal-Covid-19, il-ħajja normali fil-pajjiż xorta kellha tgħaddi ‘bl-iskossi’ – speċjalment fid-diversi bliet prinċipali — minħabba l-periklu tal-varjanti ġodda tal-virus.

Sadanittant, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, qalet li l-fruntieri ta’ pajjiżha se jibqgħu magħluqin sa, almenu, l-aħħar tas-sena. Dan qed isir bħala parti minn ‘strateġija ta’ eliminazzjoni’ fid-dawl tal-pandemija, b’Ardern tisħaq li l-istrateġija hi l-aħjar mezz biex il-pajjiż jevita l-infezzjonijiet bil-Covid u biex l-ekonomija tkompli għaddejja b’ritmu sodisfaċenti.

Ardern kompliet li New Zealand, mis-sena d-dieħla, se jaddotta mudell għall-ivvjaġġar li jkun ħieles mill-kwarantina u li jibbażaa fuq ‘l-element ta’ sogru relatat għall-individwu’. Fi New Zealand mietu biss 26 (minn popolazzjoni ta’ madwar ħames miljuni) b’kaġun tal-Covid u l-Gvern ta’ dan il-pajjiż qed jaħdem bi priorità fuq programm li jippermetti biex il-poplu kollu jingħata l-vaċċin sal-aħħar ta’ din is-sena.