Lokali

Il-PN isaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Partit Konservattiv Ingliż

Il-Partit Nazzjonalista minn issa qed jaħdem biex isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta. Gvern ġdid Nazzjonalista jrid iġib lil Malta lura fuq il-lista l-bajda.

Kien dan il-ġist ta’ laqgħa li delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista kellha ma erba’ membri parlamentari Ingliżi, parti mill-Partit Konservattiv Ingliż. Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, miċ-Chairman tal-Kunsill Amministrattiv Graham Bencini, mill-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius kif ukoll mill-Kelliem tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Carmelo Mifsud Bonnici.

Waqt id-diskussjoni tqajmu diversi suġġetti fosthom ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit, il-Brexit kif ukoll il-ħidma li qed issir mill-Partit Nazzjonalista biex tkun restawrata r-reputazzjoni ta’ Malta, anke fid-dawl tal-greylisting ta’ Malta mill-FATF.

Id-delegazzjoni Ingliża kienet ffurmata minn Chris Loder, Tom Hunt, Jacob Young kif ukoll Matt Vickers. Huma tkellmu dwar l-impenn tal-Gvern Ingliż biex ikun hemm suċċess minn Brexit. Mad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista huma tkellmu wkoll dwar l-iżviluppi politiċi fil-gżejjer Maltin.

L-inizjattiva tal-lum hi waħda minn sensiela ta’ laqgħat pjanati mill-Partit Nazzjonalista bl-iskop jkompli jaħdem biex ir-reputazzjoni ta’ Malta kif wiegħed il-Kap tal-Partit Bernard Grech tkun irranġata u isem pajjiżna jirritorna fuq il-lista l-bajda tal-FATF.