Lokali

“Il-prodott agrikolu Malti se jispiċċa”

18-il Għaqda Ambjentali u Agrikola qed jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex jieħu azzjoni qabel ma l-prodott agrikolu Malti jispiċċa fix-xejn.

F’Novembru tas-sena li għaddiet, sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali sabiet li l-liġi li prattikament tiggarantixxi l-kirja tal-art agrikola b’mod permanenti bl-istess kera, tikser id-drittijiet fondamentali tas-sidien tal-art. Fil-fatt, diġa’ hemm 40 bidwi li bħalissa jinsabu fil-Qorti u qegħdin f’riskju li jitilfu r-raba’ tagħhom li qegħda fuq qbiela ma’ sidien privati.

L-Għaqdiet qed iwissu li dan se jkollu konsegwenzi serji fuq l-ambjent u s-soċjeta’ hekk kif bdiewa li jaħdmu l-art se jispiċċa barra u l-art tispiċċa għand min m’għandux il-ħila jew l-intenzjoni li jaħdimha u tispiċċa tintuża għal skopijiet li ma jkunux neċessarjament ta’ natura agrikola. Dan minbarra li din is-sitwazzjoni tista’ taffetwa il-produzzjoni ta’ ikel lokali.

L-Għaqdiet qed jirrikonoxxu li ħafna minn dawn il-kirjiet huma miżeri għaż-żminijiet tal-lum u li hemm lok fejn dawn jistgħu jiġu riveduti.

Madanakollu, l-għaqdiet tennew li din il-kirja m’għandix tkun ibbażata fuq il-valur tas-suq għaliex art agrikola għandha wkoll valur soċjal u ambjentali. L-iskop primarju ta’ din l-art hi l-produzzjoni tal-ikel aċċessibbli u affordabbli u għaldaqstant, il-profitti attwali tal-produtturi ma jifilħux kirjiet skont il-valur tas-suq.

Huma qed ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern biex tinstab soluzzjoni li hi ġusta għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista diġa’ imbarka fi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni…. u wara studju dettaljat fil-qafas ta’ liġijiet Ewropej, se jkun qed jippreżenta proposti sabiex jindirizzaw din l-isfida.