Lokali

Kumpaniji Maltin qed isibu diffikultajiet fin-negozju minħabba l-greylisting

Qegħdin ta’ kuljum jikbru l-isfidi li qed jiffaċċjaw numru sostanzjali ta’ kumpaniji Maltin li jaħdmu ma’ ditti barranin f’diversi oqsma differenti.

Intrapriżi Maltin qed isibu bibien magħluqa minn għadd ta’ ditti li qed jirriffjutaw li jkollhom x’jaqsmu ma’ kumpaniji Maltin.

Korrispondenza li waslet ghand dan l-istazzjon turi kif ditta partikolari barranija rriffjutat li tibgħat xogħol lil kumpanija Maltija. Fil-korrispondenza, id-ditta barranija tgħid li l-ordni tal-kumpanija Maltija ma tistax tiġi pproċessata bir-raġuni li tingħata tkun li wieħed mill-persuni fil-kumpanija huwa ta’ nazzjonalità Maltija.

“Aħna nqisu ordnijiet minn dan il-pajjiż bħala ta’ riskju għoli minħabba r-regoli dgħajfa kontra l-ħasil ta’ flus” kitbet din id-ditta.

Propju dwar dan Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Intrapriżi Miriam Dalli…fejn ridna nkunu nafu b’mod ċar kif il-Gvern qed isolvi l-problemi ġodda li qed jiffaċċjaw negozji Maltin riżultat tal-greylisting ta’ pajjiżna – riżultat li gabu b’idejh il-Gvern ta’ Robert Abela.

It-tweġiba ta’ Miriam Dallie kienet li “qegħdin f’kuntatt ma’ dawn il-kumpaniji” u li l-messaġġ ewlieni kien li jekk hemm kumpaniji li għandhon diffikultà imorru jitkellmu magħha.

Wara li Gvern Laburista xeħet lil Malta fil-lista l-griża tal-FATF, bin-nuqqas ta’ azzjoni li ddeċieda li jieħu għal snin twal f’dak li ghandu x’jaqsam ma’ ħasil ta’ flus, issa huma l-kumpaniji Maltin li qed iħallsu l-prezz l-aktar qares. Madankollu, l-uniku soluzzjoni li l-Gvern Laburista qed joffri sa issa lil dawn il-kumpaniji huma biss diskjussjonijiet.

Intant il-Ministru Dalli kkonfermat li l-pjan tal-Gvern hu li sa erba’ xhur oħra, jiġifieri sal-aħħar ta’ Diċembu jkun twaqqfu l-wage supplements kollha li issa diġ.a bdew jitnaqqsu bilmod il mod.