“Mhux kulma jsir isir fl-apert u fil-miftuħ. Jien qed nimxi mal-kuxjenza u dak li nħoss li għandi nagħmel fil-kuxjenza nagħmlu.”
Kliem il-President ta’ Malta George Vella f’kummenti mal-ġurnalisti meta kien mistoqsi jekk hu għandux jerfa’ responsabbilta’ wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Bord ta’ tliet imħallfin ikkonkluda li l-iStat għandu jerfa’ responsabbilta’ hekk kif in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern tal-ġurnata ħoloq klima fejn il-ħajja tal-ġurnalista kienet f’periklu u min ried joqtolha kien kunfidenti li seta’ jiżgiċċa mill-ġustizzja. Il-President attwali, dak iż-żmien kien Ministru fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Mistoqsi jekk jaħsibx li l-Gvern għandu jmur lil hinn minn apoloġija, George Vella fakkar li l-President bl-ebda mod ma jista’ jindaħal fl-operat tal-Eżekuttiv – jiġifieri il-Gvern tal-ġurnata.
George Vella inħatar President ta’ Malta f’April tal-2019. Skont il-Kostituzzjoni, il-Kap tal-iStat Malti iservi għal terminu wieħed ta’ ħames snin li ma jistax jiġġedded.
//= $special ?>