Internazzjonali

60 sena mill-bidu tal-bini tal-Ħajt ta’ Berlin

Għaddew sittin sena minn meta, fit-13 ta’ Awwissu, 1961, beda jinbena l-Ħajt ta’ Berlin. Kollox beda ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Iż-Żona Okkupata tal-Ġermanja nqasmet bejn il-Franċiżi, l-Ingliżi, l-Amerikani u l-Unjoni Sovjetika.
Il-Kunsill li dawn l-alleati għamlu bejniethom bil-ħsieb li jiggverna l-Ġermanja sakemm iseħħ ftehim sħiħ ta’ paċi, kellu s-sede tiegħu f’Berlin.

F’artiklu fin-Nazzjon, Charles Buttigieg saħaq li ġara, iżda, li fl-1948 l-Unjoni Sovjetika telqet għal rasha. Is-Sovjetiċi keċċew il-Gvern li kienu tellgħu n-nies ta’ Berlin u minfloku qiegħdu, f’Berlin tal-Lvant, reġim Komunista. Ġara wkoll li l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika komplew jikbru f’potenzi kbar u bejniethom feġġgħet dik li saret magħrufa bħala l-Gwerra Bierda. Il-Ħajt ta’ Berlin sar is-simbolu ta’ din il-Gwerra Bierda. Mis-sena 1949 sal-1961, kienu ħarbu mal-2.5 miljun ruħ mill-Ġermanja tal-Lvant. Ir-reġim Komunista bena l-Ħajt biex iwaqqaf din il-ħarba kontinwa ta’ nies mill-jasar tal-Lvant għall-ħelsien tal-Punent.

Il-Ħajt ta’ Berlin kien ifisser ukoll li n-nies ta’ Berlin tal-Punent ma setgħux imorru iktar fuq in-naħa l-oħra ta’ Berlin ħlief b’arranġamenti speċjali fi żmien il-Milied u xi okkażjonijiet oħrajn ta’ btala. Il-qagħda bdiet tiċċaqlaq xi ftit meta, lejn tmiem is-snin Sittin, il-Ġermanja tal-Punent, immexxija minn Willy Brandt fit-tmun ta’ koalizzjoni soċjal-liberali, bdiet issegwi l-hekk imsejħa politika tad-détente fl-Ewropa, li fil-kontest tagħha nibet ukoll il-proċess tal-Ostpolitik, maħsub biex jgħin il-ftuħ lejn il-Lvant u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.

Fit-3 ta’ Settembru, 1971, sar qbil bejn l-Istati Uniti, Franza, l-Unjoni Sovjetika u r-Renju Unit, li għen biex jitjiebu l-possibbiltajiet għall-ivvaġġar bejn iż-żewġ naħat ta’ Berlin u biex jerġgħu jibdew jaħdmu s-servizzi għal komunikazzjoni bit-telefon bejn iż-żewġ naħat tal-belt. Imbagħad, fil-21 ta’ Diċembru, 1972, iż-żewġ Ġermanji ffirmaw Trattat Bażiku li bih iż-żewġ Stati rrikonoxxew lil xulxin u stabbilew bejniethom relazzjonijiet politiċi u kummerċjali normali. Madankollu, ir-riunifikazzjoni dak iż-żmien kienet għadha tama fil-bogħod.

Charles Buttigieg saħaq li f’April 1974, huwa kellu l-opportunità li jżur Berlin. Ix-xena li ra minn tieqa fil-bini tar-Reichstag baqgħet stampata f’moħħu. Il-Ħajt kien fil-qrib, ħafna. Mill-għoli fejn kien seta’ jara s-suldati tal-Ġermanja tal-Lvant, bl-armi f’idejhom, jgħassu mit-torrijiet li kienu fuqhom, għal kull moviment li seta’ jindika li kien hemm xi ħadd se jipprova jitla’ mal-ħajt biex jaqbeż għan-naħa l-oħra.

Tul il-Ħajt ta’ Berlin, ir-reġim Komunista kien bena fuq 300 watchtowers. Li xi ħadd jipprova jieħu rankatura b’xi vettura kbira biex jibqa’ dieħel ġol-Ħajt u jgħaddi minn ġo fih għan- naħa l-oħra, ma kinetx ħaġa possibbli. Dan għaliex fl-art kien hemm trinek fondi u wkoll bosta travi tal-konkrit imsallbin ġo xulxin maħsubin biex jilqgħu għal xi attentat simili.
Ftit ’il bogħod seta’ jara wkoll il-famuża Brandenburg Gate wieqfa fil-kesħa, mingħajr ebda ħajja madwarha, tistenna l-jum meta tkun tista’ tara u tgawdi, taħtha u madwarha, folol ta’ nies ferħana, ħielsa li jmorru fejn jixtiequ u fejn iridu.

Buttigieg kompla jikteb kif mar ukoll Berlin tal-Lvant. Għamel dan ma’ tour organizzat minn aġenzija tal-ivvjaġġar. Biex daħlu Berlin tal-Lvant, għaddew minn Checkpoint Charlie. Qabel ma s-suldati tal-Ġermanja tal-Lvant ħallewhom jgħaddu, spezzjonaw qatigħ mhux biss il-kowċ kollu li kienu fih – il-grupp kien jikkonsisti minn nies ta’ nazzjonalitajiet differenti fejn hu kien l-uniku Malti – imma wkoll id-dokumentazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Il-mistoqsijiet ma naqsux. Kienu qed jistennewhom, għax kienu avżati minn qabel biex iwieġbu kull domanda li ssirilhom bla ma jgħidu kliem żejjed.

Charles Buttigieg stqarr li l-iktar li laqtu f’Berlin tal-Lvant kien il-ħafna bini mkisser li kien għad hemm minn żmien il-gwerra u li fit-toroq ftit li xejn kont tara nies. Biex ħarġu minn Berlin tal-Lvant, damu ħafna jistennew. L-ispezzjoni tal-kowċ u tan-nies li kien hemm fiha kienet metikoluża. Sakemm damu jistennew, mill-kowċ setgħu jaraw s-suldati tal-Ġermanja tal-Lvant iġiegħlu lil wieħed raġel prattikament iżarma is-sedili u t-tapezzerija tal-karozza tiegħu, kif ukoll joħroġ kulma kellu fil-bagoll, biex jaċċertaw li ma kien hemm ħadd u xejn moħbi. Seta’ jarahom ukoll jiċċekkjaw taħt il-
karozza, mhux biss b’mirja, imma billi jittawlu huma stess.

Meta fl-Unjoni Sovjetika feġġ Mikhail Gorbachev, li beda jilliberalizza r-reġim Sovjetiku u l-movimenti li kienu jopponu l-Komuniżmu setgħu jibdew jerfgħu xi ftit rashom fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, ir-reġim Komunista tal-Ġermanja tal-Punent baqa’ jidher bħala qawwa li ma mhux għalkemm tegħlibha. Madankollu, pass wara l-ieħor, il-fjamma tal-libertà u l-għatx għall-ħelsien mill-komuniżmu bdiet tinbet fil- Ġermanja tal-Lvant ukoll. Fl-1988, bdiet tinstema’ l-għajta għal ‘soċjetà b’wiċċ uman’ u sena wara għal- liberalizzazzjoni. Bdew id-dismostrazzjonijiet favur il-libertà tal-ħsieb, tal-istampa u tal-laqgħat tan-nies. Kien ċar li n-nies tal-Ġermanja tal-Lvant riedu jeħilsu mill-komuniżmu u jibdew iduqu mil-liberta’ u l-prosperità li kienu qed igawdu l-Ġermaniżi ħuthom fil-Ġermanja tal-Punent. Il-Gvern tal-Ġermanja tal-Lvant kien qed jittama li jsib appoġġ mill-Unjoni Sovjetika. Iżda Gorbachev kien kontra kull xorta ta’ intervent militari. Għall-kuntrarju, huwa pprova jipperswadi lill-mexxejja tal-Ġermanja tal- Lvant biex jibdew jirriformaw is-sistema tat-tmexxija fuq il-linji tal-hekk imsejħa perestroika. L-għajta tal-poplu tal-Ġermanja tal-Lvant kompliet tikber u tissaħħaħ. F’Ottubru 1989, feġġew mexxejja ġodda għall-Partit Komunista u l-Gvern Komunista tal-Ġermanja tal-Lvant. Intagħżlu nies li kienu favur ir- riformi. Imma kien tard wisq.

Fl-4 ta’ Novembru, folla ta’ xi miljun ruħ li nġabret f’Alexanderplatz, f’Berlin tal-Lvant, bdiet tibbuwjahom. Dan wassal biex ngħata l-permess li, fid-9 November, in-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw ’il hemm mill-Ħajt ta’ Berlin. Kienu eluf in-nies li marru jistennew ħdejn il-bibien tal-fruntiera. Dakinhar, dawn il-bieb kellhom jinfetħu, biex ma jingħalqu qatt iżjed. Il-folol malajr bdew iwaqqgħu l-Ħajt tal-Mistħija. Kien Ħajt li ra 192 ruħ jitilfu ħajjithom waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu lejn il-ħelsien. Mal-200 oħra kienu korrew meta ntlaqtu mill-balal sparati fuqhom.

Fid-9 ta’ Novembru, 1989, f’nofs il-lejl, il-ħakkiema Komunisti tal-Ġermanja tal-Lvant ċedew għall-pressjoni li kienet ilha ssirilhom u taw il-permess li jinfetħu l-bibien tal-Ħajt ta’ Berlin, li għal tliet sekli kienu żammew mifrudin minn xulxin in-nies li kienu jgħixu fil-Lvant u l-Punent ta’ din il-belt Ġermaniża. F’leħħa ta’ berqa, folol kbar ta’ nies bdew telgħin fuq il-Ħajt u bdew jagħtu fuqu b’kull ma setgħu jsibu f’idejhom. L-għada, fl-10 ta’ Novembru, ir-reġim tal-Ġermanja tal-Lvant wiegħed ‘elezzjonijiet sigrieti u ħielsa’ f’Mejju 1990. Minħabba d-dimostrazzjonijiet, l-elezzjonijiet kellhom jitressqu ’l quddiem, għat-18 ta’ Marzu.

Telgħu d-Demokristjani mmexxija minn Lothar de Maizière li, fit-12 ta’ April, iddikjara ruħu favur Ġermanja
magħquda fi ħdan in-NATO u l-Komunità Ewropea.