Internazzjonali

Afganistan: It-Talibani jaħtfu l-kontroll f’Kandahar fost il-paniku tal-poplu

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban komplew bl-offensiva rapida tal-aħħar jiem fost indikazzjonijiet li ‘hi biss kwistjoni ta’ żmien’ sakemm il-pajjiż jaqa’ mill-ġdid f’idejn dan il-grupp estremista, għall-ewwel darba mill-2001 ‘l hawn.

Intant, il-militanti qed ikomplu jikkonsolidaw ruħhom fit-territorji li qegħdin jaħtfu minbarra li qegħdin jieħdu f’idejhom aktar bliet importanti.

L-aħħar kisba sinifikanti għat-Talibani kienet il-belt ewlenija ta’ Kandahar – it-tieni l-akbar belt Afgana u hub kummerċjali importanti – li waqgħet f’idejn il-militanti fl-aħħar sigħat. Jidher, intant, li l-belt kapitali ta’ Kabul biss tista’ toffri ammont ta’ reżistenza ‘aċċettabbli’ lit-Talibani, meta kollox jindika li l-militanti għandhom jikkonċentraw l-aħħar fażi tal-offensiva fuq il-kapitali fil-ġranet li ġejjin.

Fil-preżent, it-Taliban qed jikkontrolla l-parti kbira tar-reġjuni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Afganistan  — flimkien ma’ aktar minn terz tal-ibliet kapitali tar-reġjuni.

Is-sitwazzjoni qed tqanqal paniku kbir fost il-poplu meta fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ eluf ta’ ċivili deċidew li jabbandunaw djarhom u jaħarbu miz-zoni familarji biex jevitaw l-avvanzi tat-Talibani. Dan meta n-Nazzjonijiet Uniti qalet li fl-Afganistan inqatlu ‘il fuq minn 1,000 fl-aħħar xahar tal-inkwiet u vjolenza.

Fl-istess ħin, il-gruppi li jħasru d-drittijiet umani jinsabu inkwetati ferm għall-kriżi umana li qed tiżviluppa fl-Afganistan – meta numru kbir ta’ refuġjati li jiffurmaw parti mill-eżodu ta’ ċivili waslu f’Kabul fejn qegħdin jorqdu barra fit-triq inkella fil-kampijiet li ttellgħu fl-inħawi.

L-avvanzi tat-Talibani saru possibbli wara li l-Istati Uniti u pajjiżi oħra rtiraw lit-truppi tagħhom li għal dawn l-aħħar 20 sena  kienu involuti fil-missjoni tas-sigurtà fl-Afganistan. Sadanittant, is-sitwazzjoni kapaċi tistimola mill-ġdid it-terroriżmu internazzjonali, meta qed jidher inevitabbli li t-Taliban se jieħu l-kontroll tal-Afganistan – u bis-sitwazzjoni ‘tagħti l-opportunità’ lit-terroristi tal-al-Qaeda biex jibnu mill-ġdid in-network tagħhom, sal-punt fejn ikunu jistgħu mill-ġdid jippjanaw l-attakki madwar id-dinja.