Lokali

AĠĠORNATA: Inċident fit-Telgħa ta’ Selmun iħalli żewġ xufiera feruti

Xufier ta’ karozza tal-linja u xufier ta’ karozza weġġgħu f’inċident tat-traffiku li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija fit-Telgħa ta’ Selmun, fil-Mellieħa.

Jirriżulta li fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-6.40pm, kienu nvoluti l-karozza tal-linja misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti l-Ħamrun u l-karozza tat-tip Mercedes misjuqa minn raġel ta’ 56 sena residenti l-Mosta.

Fi stqarrija, il-Malta Public Transport qalet li l-inċident seħħ wara li l-karozza Mercedes kienet qed tinstaq fuq in-naħa l-ħażina tat-triq meta ħabtet mal-karozza tal-linja. Il-kumpanija qalet li kkonfermat kif seħħ dan wara li rat il-filmati tal-cameras installati fil-karozza tal-linja.

Minbarra l-Pulizija, fil-post wasal ukoll tim mediku, li ta l-ewwel għajnuna liż-żewġ xufiera qabel ma dawn ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Hemm ix-xufier tal-karozza tal-linja kien iċċertifikat li sofra minn feriti gravi, filwaqt li x-xufier tal-karozza sofra minn feriti ħfief.

Il-ħabta wasslet biex intlaqtet ukoll karozza tat-tip Fiat Cinquecento, bix-xufier tagħha, ta’ 36 sena residenti San Pawl il-Baħar, ħelisha ħafif.

Kawża tal-inċident, inġema’ ammont kbir ta’ traffiku, fi triq li normalment jgħaddu minnha eluf ta’ karozzi kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija. Fuq Facebook kien irrappurtat ukoll li t-triq inżammet magħluqa sa ftit qabel is-2am, jiġifieri madwar seba’ sigħat wara li seħħ il-każ, b’persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li dan seta’ seħħ sakemm kienet stabbilita l-kundizzjoni tal-persuni involuti.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn il-każi għadhom għaddejjin.