Enerġija Lokali

Aktar postijiet bla dawl u żoni b’low voltage

Lejl iehor bla dawl – ghal darb’oħra diversi residenti esperjenzaw problema fil-provvista tal-elettriku. U l-Ħamis filgħaxija kien imiss lil Qriema u liż-Żrieraq.

Filfatt kienu diversi l-persuni li tkellmu ma’ Net News u li rraportaw kif reġgħu spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku. Anke fuq il-midja soċjali, diversi kummenti jixhdu ir-rabja ta’ bosta persuni li spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl fl-eqqel tas-Sajf … u f’nofs heatwave.

Din is-sitwazzjoni ta’ ħsarat u interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku ilha tkarkar għal aktar minn ġimgħa f’diversi lokalitajiet, u qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti. Bil-Ministru Miriam Dalli xorta tibqa’ tghid li skorretti meta nghidu li qed jinqata’ d-dawl.

Iżda ir-realta tan-nies hi għal kollox differenti – mhux biss qtugh tad-dawl, iżda anke zoni fejn l-elettriku qed jasal b’vultaġġ baxx ħafna. Bħal fil-każ tal-Baħrija.

“F’din l-area ilna nbatu minn vultaġġ baxx minn Ġunju anke is-Sajf ieħor kellna din il-problema iżda nnutajna li din il-problema dan is-Sajf żdiedet. Meta suppost ikollna vultaġġ ta’ 240 iżda sfortunatament dan niżel għal 173. Fil-bidu ta’ Ġunju irrapurtajna lil EneMalta, ma smajna xejn ħlief tawna numru ta’ rapport u dejjem jgħidulna ‘works in progress’ “

Jidher illi din is-sitwazzjoni ta’ djar li qed ikollhom low voltage mijiex biss problema ghan-nies li jghixu l-Bahrija. Iżda anke f’lokalitajiet oħrajn.

Dan kollu qed jikkawza mhux biss inkonvenjent, iżda anke ħsarat fl-appliances u s-sistemi tad-dawl.

“Meta jkollok vultaġġ baxx jirriżulta fi ħsara fl-appliances infatti aħna diġa għandna diversi ħsarat f’apparat elettroniku. Low voltage hija problema agħar minn meta jinqata’ d-dawl għaliex low voltage ifisser li l-appliances mhux jieħdu biżżejjed kurrent”

Kif fisser il-Kap tal-PN Bernard Grech permezz ta’ post fuq Facebook…fl-eqqel tas-sajf, eluf ta’ familji għadhom ta’ kuljum qed jesperjenzaw qtugħ ta’ dawl jew vultagg baxx li jċaħħadhom minn servizz bażiku. Bernard Grech insista li dawn il-familji ghandhom jiġu kkumpensati kemm jista’ jkun malajr.