Internazzjonali

Il-Libja: Mandat ta’ arrest għal Saif al-Islam Gaddafi

Il-Prosekuturi fil-Libja ħarġu mandat ta’ arrest għal Saif al-Islam Gaddafi, iben l-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi, minħabba suspettati rabtiet bejnu u l- merċenarji Russi fil-pajjiż. Dan sar magħruf wara li investigazzjoni tal-BBC World Service żvelat rabtiet bejn l-attivitajiet tal-Grupp ( tal-merċenarji) Wagner fil-Libja u r-reati tal-gwerra fil-konfront taċ-ċittadini Libjani.

Il-ġellieda Russi dehru għall-ewwel darba fil-Libja fl-2019 meta huma ssieħbu mal-qawwiet tal-Ġeneral tar-ribelli, Khalifa Haftar, li kienu qed jattakkaw lill-Gvern Libjan appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti fi Tripli. Dan il-konflitt kien intemm f’Ottubru bi ftehim għal waqfien mill-ġlied.

Il-Grupp Wagner ilu involut f’azzjonijiet u ‘inkursjonijiet’ f’numru ta’ reġjuni li jinkludu s-Sirja, Mozambique, is-Sudan u r-Repubblika Afrikana Ċentrali.

Issa sar magħruf li d-direttiva għall-arrest ta’ Saif al-Islam ingħatat lill-entitajiet tas-sigurtà  Libjani aktar kmieni fix-xahar iżda d-dettalji qed joħorġu issa fil-pubbliku, wara li xxandru dettalji tal-investigazzjoni tal-BBC.

Saif al-Islam Gaddafi – li snin ilu kien fost l-aktar persuni influwenti fil-Libja — ilu suspettat dwar konnessjonijiet mar-Russja. Intant, hu, fl-2011, kien strumentali fl-isforzi tal-eks-dittatorjat ta’ missieru intiżi biex ikissru lill-elementi Libjani ta’ kontra l-Gvern waqt xhur konsekuttivi ta’ gwerra ċivili.

Diversi membri tal-familja ta’ Gaddafi kienu nqatlu jew ħarbu mill-pajjiż – b’Saif al-Islam jinqabad mir-ribelli lejn l-aħħar tal-2011 u fejn kien spiċċa trasferit lejn  Zintan. Intant, hu inħeles sitt snin wara mill-milizji li kienu qed iżommuh f’din il-belt, lejn il-lbiċ ta’ Tripli.