Il-Malta Airport Foundation flimkien ma’ Fondazzjoni Wirt Artna llum inawgurat il-Combined Operations Room u għadd ta’ kmamar anċillari wara li sarilhom restawr estensiv. Dawn il-kmamar jiffurmaw parti minn kumpless ta’ żmien il-gwerra li huwa mifrux taħt il-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta.
Dan il-kumpless taħt l-art oriġinarjament inbena mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1566 u beda jintuża bħala kwartieri tal-gwerra mill-Ingliżi fl-1941. Il-Combined Operations Room kienet tirċievi informazzjoni minn diversi kmamar anċillari li abbażi tagħha strateġisti militari li kienu stazzjonati hawnhekk kienu jidderieġu l-azzjonijiet militari u navali kollha f’Malta u minn Malta, partikolarment matul il-ħbit mill-ajru fuq il-gżejjer waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-valur storiku tal-Combined Operations Room ikompli jiżdied mill-fatt li din kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fl-istorja li qdiet funzjonijiet kemm offensivi u kemm difensivi.
Dan il-kumpless taħt l-art, li minnu tagħmel parti l-Combined Operations Room, aktar tard intuża wkoll min-NATO biex jiġu trekkjati s-sottomarini u kellha rwol importanti fil-Kriżi tas-Swejz tal-1956 u l-Kriżi tal-Missili f’Kuba tal-1962, qabel ma l-bibien tagħha ngħalqu fl-1977 għal kważi erbgħin sena. Dan l-għeluq flimkien ma’ problemi ta’ għargħar għamel ħsara kbira kemm lill-infrastruttura u kemm lil oġġetti importanti, bħal mapep, li jinjettaw lil dan il-kumpless b’valur storiku addizzjonali billi jitfgħu dawl fuq l-avvenimenti importanti li seħħew hawnhekk.
“Nemmnu li dan il-kumpless irrestawrat, li essenzjalment huwa mużew ta’ żmien il-gwerra fejn il-viżitaturi jistgħu jerġgħu jgħixu mumenti importanti li sawru l-istorja tagħna, ser ikompli jarrikkixxi dak li l-Belt Valletta għandha x’toffri. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li bl-appoġġ tal-Malta Airport Foundation, Fondazzjoni Wirt Artna setgħet tegħleb il-ħafna sfidi li xirfu matul dan il-proġett kbir sabiex illum qegħdin niftħu sit mill-aktar interessanti għall-pubbliku,” qal iċ-Ċermen tal-Malta Airport Foundation Josef Formosa Gauci.
“Minħabba l-istat li fihom instabu dawn il-kmamar, ir-restawr tagħhom kien proġett enormi li żgur ma setax jiġi rrealizzat mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Malta Airport Foundation. Issa li dan il-proġett tlesta, nemmnu li dan is-sit għandu potenzjal ikun wieħed mill-aqwa attrazzjonijiet militari f’Malta,” qal iċ-Ċermen ta’ Fondazzjoni Wirt Artna s-Sur Mario Farrugia.
Il-kontribuzzjoni tal-Malta Airport Foundation għal dan il-proġett ta’ restawr, li l-għan tiegħu kien li jippreserva u jixħet dawl fuq xi ftit mill-patrimonju ta’ Malta ta’ żmien il-gwerra, ammontat għal kważi €340,000, jiġifieri l-akbar investiment tal-Fondazzjoni fil-prodott kulturali ta’ Malta sal-lum. Parti minn dan l-investiment intuża sabiex tiġi rrestawrata mappa b’wisa’ impressjonanti ta’ 20 metru li kienet tintuża min-NATO fis-sittinijiet sabiex jiġu mmarkati l-movimenti tas-sottomarini Russi fil-Mediterran. Ta’ min jinnota wkoll li waqt il-proċess ta’ restawr ta’ din il-mappa, li hija mpinġija bl-idejn fuq pannelli tal-injam kif kien komuni f’dawk iż-żminijiet, inkixfu żewġ mapep oħrajn li huma aktar antiki.
Il-Malta Airport Foundation ġiet stabbilita fl-2014 bil-għan li tinvesti fil-wirt kulturali u ambjentali Malti, bil-Combined Operations Room tkun l-ewwel proġett ta’ restawr fil-Belt Valletta għall-organizzazzjoni.
//= $special ?>