Wara waqfa ta’ ftit ġimgħat, illum jirritornaw l-Premier League fl-Ingilterra bil-partita bejn in-neopromossi Brentford u Arsenal. Kuntrarju għall-istaġun li għadda, mil-lum il-partitarji se jitħallew jidħlu fl-istadiums b’attendenza massima, liema aħbar pożittiva kompliet iżżid l-aspettativa għall-istaġun 2021/22.
Man City, iċ-champions tal-istaġun li għadda se jkunu qed iħarsu li jiddefendu t-titlu tagħhom wara li akkwistaw lill-midfielder Ingliż ta’ 25 sena Jack Grealish, għas-somm rekord ta’ £100 miljun. Min-naħa l-oħra, ir-rivali Man Utd mistennija joffru sfida denja għar-rebħ tal-Premier League, bl-akkwisti ta’ Jadon Sancho u Raphael Varane jkomplu jsaħħu l-iskwadra ta’ Ole Gunner Solskjaer. Bla dubju, iċ-champions tal-Ewropa Chelsea, se jkunu qed iħarsu li jħabbtuha mat-timijiet ta’ fuq. hekk kif taħt it-tmexxija ta’ Thomas Tuchel, Chelsea għamlu kambjament fir-riżultati u fit-tip ta’ futbol li qed jilagħbu.
Minkejja li m’humiex se jibdew bħala l-favoriti, anke għal fatt li ma tantx kienu attivi fis-suq ta’ trasferimenti, Liverpool żgur li se jkunu tim b’saħħtu aktar mill-istaġun li għadda. Ir-ritorn ta’ Virgil van Dijk u Joe Gomez, se jagħti spinta neċċessarja lil dan it-tim, li se jkun qed iħares li jikseb il-forma brillanti tal-istaġun 2019/2020, fejn rebħu l-Premier League. Naturalment wieħed ma jridx jinsa lit-timijiet ta’ Leicester, Tottenham u Arsenal, li għalkemm m’humiex mistennija li joffru sfida għar-rebħ tal-Premier League, mistennija jkunu mal-ewwel sitta’ tal-kampjonat, b’Tottenham għadhom inċerti dwar l-attakkant tagħhom Harry Kane u l-futur tiegħu f’Londra.
It-timijiet neo-promossi Brentford, Norwich u Watford se jkunu qed jaffaċjaw staġun iebes iżda se jkunu qed iħarsu li jżommu posthom fl-ogħla diviżjoni fl-Ingilterra.
PREMIER LEAGUE
Illum Brentford v Arsenal 9.00pm Għada Man Utd v Leeds 1.30pm, Leicester v Wolves 4.00pm, Chelsea v C’Palace 4.00pm, Watford v Aston Villa 4.00pm, Everton v Southampton 4.00pm, Burnley v Brighton 4.00pm
Norwich v Liverpool 6.30pm, Il-Ħadd, Newcastle v West Ham 3.00pm, Tottenham v Man City 5.30pm