“Għandi kollox f’Malta, naħdem Malta, ngħix Malta u l-familja tiegħi qegħda hawn Malta, nixtieq li nagħmel xi ħaġa ta’ ġid għall-futbol Malti kollu mhux għall-klabb tal-Marsa biss”, hekk stqarr il-President ta’ Marsa FC Francesco Rugieri f’intervistà esklussiva ma’ NetNews.
Rugieri li twieled u trabba fi Sqallija, ġie f’pajjiżna fejn għandu n-negozju tiegħu u fil-bidu ta’ dan l-istaġun ħa f’idejh il-klabb taċ-Challenge League Marsa F.C. Rugieri qal li l-għażla ta’ Marsa kienet waħda naturali hekk kif huwa supporter ta’ Catania fi Sqallija u t-tim ta’ Marsa huwa t-tim li għandu l-istess kuluri bħal dawk ta’ Catania.
L-għan tiegħu u tal-klabb ta’ Marsa se jkun wieħed ċar, dak li jagħmlu dak li kienu viċin li jagħmlu fl-istaġun li għadda, li jiskbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier. Rugieri qal ukoll li l-klabb għandu ambizzjonijiet oħra fil-futur fosthom semma li jrid li t-tim ta’ Marsa jkollu ċentru sportiv professjonali, jwettaq investiment fin-nursery tal-klabb kif ukoll li fiż-żmien sentejn il-klabb ikun qed jikkompeti f’kompetizzjoni Ewropeja.
Dwar il-livell tal-futbol f’pajjiżna, Rugieri qal li l-livell huwa wieħed baxx għaliex ma nħarsux lejn il-futbol b’mod professjonali u li jekk ikollu jbiddel xi ħaġa fil-futbol Malti tkun dik li l-futbol Malti jsir aktar professjonali u ż-żagħżagħ Maltin ikunu esposti u jkollhom opportunità li jilagħbu barra minn pajjiżna.
//= $special ?>