Coronavirus Lokali Saħħa

It-tobba jfakkru li min hu mlaqqam xorta jista’ jiġi infettat bil-COVID-19

Il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja (MCFD) faħħar il-persuni li ħadu d-deċiżjoni li jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19 u min-naħa l-oħra, jinsabu diżappuntati bl-istess żbalji li qed jerġgħu jsiru minn diversi entitajiet u saħqu li l-aġenziji tal-infurzar mhumiex effettivi.

Fi sqarrija l-MCFD ħeġġeġ lil dawk l-anzjani li għadhom mhumiex imlaqqma biex jersqu ‘l quddiem għaliex qalu li l-vaċċin huwa effettiv ħafna fost persuni ta’ età ikbar għaliex jipprevjeni bżonn ta’ sptar u l-mewt. L-MCFD wassal ukoll messaġġ lill-ġenituri fejn appellaw biex jieħdu parir mediku qabel jiddeċiedu jekk għandhomx jitlaqqmu uliedhom. It-tobba qalu li l-istess għandhom jagħmlu nisa tqal. L-MCFD irrimarkaw li numru ta’ persuni ma jistgħux jieħdu l-vaċċin għal raġunijiet mediċi u talbu biex kulħadd jirrispetta s-saħħa ta’ dawn il-persuni.

It-tobba fi ħdan l-MCFD qalu wkoll li jinsabu mħassba dwar rispons mill-pubbliku fil-konfront nies li qed jiġu infettati bil-COVID-19, minkejja li huma mlaqqma. Huma saħqu li “huwa inġust li tinħoloq din it-tip ta’ stigma.” L-MCFD fakkar li t-tilqim huwa maħsub biex inaqqas il-probabbiltà li jkollok ‘COVID serju’ bi bżonn ta’ sptar u jew fatalità “iżda ma jfissirx li dak li jkun imlaqqam ma jistax jiġi infettat b’varjant tal-Coronavirus. It-tobba fakkru li kemm dawk imlaqqma kif ukoll dawk mhux imlaqqma xorta jistgħu jittrasmettu l-virus filwaqt li saħqu li jisperaw li jinsabu xjentifikament eqreb li jkollna testijiet ta’ immunità minflok PCR test.

Fl-istqarrija tagħhom l-MCFD tkellmu wkoll dwar kwistjonijiet oħrajn marbuta mal-pandemija fejn qalu li jifhmu għaliex xi entitajiet privati ​​qed jintroduċu miżuri li jiddistingwu bejn impjegati li huma u mhumiex imlaqqma iżda jinsabu mħassbu għaliex dan jista’ jikkawża taqlib soċjali fuq il-post tax-xogħol.” It-tobba pero saħqu li ma jistgħux jifmhu kif entitajiet, speċjalment dawk tal-Gvern waqqfu l-miżura tat-teleworking.