Ir-Renju Unit jinsab ixxukkat wara qtil tal-massa li seħħ sigħat ilu fi Plymouth, fejn raġel armat qatel ħames persuni – inkluż tifla żgħira — fi sparatura qabel dawwar l-arma tiegħu fuqu stess.
Fl-isparatura ndarbu wkoll numru ta’ persuni, bil-pulizija ta’ Devon u Cornwall tirreaġġixxi mal-ewwel għall-emerġenza li waslet bħal sajjetta fil-bnazzi fiz-zona ta’ Keyham u fejn huma sabu lill-aggressur ta’ 22 sena mejjet fuq il-post.
Il-każ jinvolvi l-akbar sparatura tal-massa fir-Renju Unit mill-2010, iżda l-pulizija qed jeskludu għal kull konnessjoni mat-terroriżmu.
L-aggressur, wara, kien identifikat bħala Jake Davison, bl-ewwel investigazzjonijiet jikkonfermaw li l-arma li ntużat fid-delitt kienet waħda liċenzjata. Il-vittmi ta’ Davison, intant, huma żewġ nisa, żewġ irġiel u t-tifla li kien għad għandha biss tliet snin.
L-investigazzjoni anki żvelat xi filmati li Davison kien tella online u fejn hu irrefera għalih innifsu bħala ‘bniedem imkisser mill-ħajja’. Sadanittant, il-pulizija qed jeskludu li Davison seta’ kellu l-kompliċi f’dan l-attakk bla sens u mhumiex ifittxu għal persuni oħra li setgħu kellhom xi sehem fl-isparatura.
In-nies li kienu fl-inħawi waqt l-isparatura, irrakkuntaw il-mumenti tat-twerwir u paniku ddominati minn ħafna għajjat u ħsejjes tat-tiri.
L-aggressur kien spiċċa jħabbat fuq il-bieb ta’ dar u fejn fil-pront qatel mara li kienet tgħix f’dan l-indirizz u li x’aktarx kienet qariba tiegħu. Fil-fatt, il-pulizija qalu li l-inċident kellu ‘element domestiku’ u li s-sitwazzjoni qalbet għall-agħar wara l-ewwel sparatura, ‘bir-riżultat li diversi persuni fi Plymouth tilfu ħajjithom f’ċirkustanzi mill-aktar traġiċi’.
Jidher ukoll li Davison, wara li qatel lill-mara, kienet ħareġ fit-triq u spara ‘lejn tifla żgħira li mietet fuq il-post’, Davison imbagħad kompla jispara lejn il-persuni li nzertaw quddiemu fl-inħawi ta’ Biddick Drive u kien wara li qatel lill-ħames vittma li qabad u spara għalih innifsu, b’konsegwenzi fatali.
Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, kienu qed jaħdmu f’numru ta’ crime scenes huma u jikkonċentraw fuq il-messaġġi li kien bagħat Davison fuq il-media soċjali bħala parti mill-investigazzjoni. Dan meta għalissa, ma kien stabbilit l-ebda mottiv ċar li seta’ jindika r-raġuni għall-massakru.
.
//= $special ?>