Il-kandidatura ta’ Miriam Dalli fuq il-11-il Distrett xejn ma niżlet tajjeb mal-canvasers laburisti illi ilhom snin jaħdmu fil-Mosta u l-madwar biex jimbuttaw lill-kandidati rispettivi tagħhom. U wara l-mossa ta’ Miriam Dalli, issa bdiet ġirja sfrenata mill-bqija tad-deputati u l-kandidati Laburisti biex jagħtu risposta għal din il-manuvra tat-tmexxija Laburista.
Każ partikolari hu dak tas-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fid-distrett qed iqassam ammont kbir ta’ fondi … b’mod partikolari fil-lokalitá tal-Mosta. Fost dawn, kien hemm il-fondi li ta biex tinbidel is-sistema tad-dwal għall-Bażilika…kif ukoll il-proġett tal-ġnien li kien ta’ Ċikku Fenech.
Sorsi tagħna fil-lokalitá spjegawlna li dawn il-proġetti u l-mod kif qed jitħabbru qed jurtaw mhux ftit lis-Sindku tal-lokalitá Romilda Baldacchino Zarb…. tant li l-canvasers tagħha qed jispjegaw kif qed tkun imwarrba minn ċertu deċiżjonijiet li hi mhux qed tkun konxja tagħhom.
Dan kollu kompla jmur għall-agħar minn meta sar magħruf li Miriam Dalli se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali anke fuq dan id-distrett.
F’nofs din il-gimgha….Net News żvela kif kandidat ieħor li ħa din il-kandidatura ta’ Miriam Dalli bi kbira hu Anthony Agius Decelis. Is-sorsi tagħna spjegawlna li din l-aħbar kompliet turta lil Agius Decelis wara li Robert Abela kien warbu mill-kabinett. B’Agius Decelis kien qed jittama li fl-elezzjoni li ġejja juri lit-tmexxija Laburista li minkejja li kien twarrab kien għad għandu l-fiduċja tal-votanti.
Is-sorsi tagħna spjegaw li anke f’dawn il-jiem ta’ festa fil-Mosta …..it-tensjoni bejn il-kandidati laburisti qed tinħass sew b’ħafna botti fini bejniethom b’min se jidher l-aħjar.