Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Fr Nicholas Cachia

“Ħafna nies ser iħossu in-nuqqas tat-tbissima tiegħu u tal-kelma soda li kellu” … kliem l-Arċisqof Charles J Scicluna waqt li l-Gimgha nghatat l-aħħar tislima lil Fr Nicholas Cachia fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.

Aktar kmieni Fr Nicholas Cachia kien espost għat-talb personali tal-pubbliku, fil-Kappella ta’ San Ġwann, is-Siġġiewi.

Fr Nicholas Cachia li kellu 59 sena u kien ilu jgħix l-Amerka għal dawn l-aħħar 6 snin, miet fit-28 ta’ Lulju fl-JFK Medical Centre fi Florida, bl-aħbar tiegħu tħalli dieqa kbira partikolarment fost il-komunità tas-Siġġiewi u l-ħbieb kollha li kienu jafuh.

Fr Nicholas serva bħala viċi- president tar-Radju RTK u tal-Media Center bejn l-2000 u l-2001, qabel ma sar President Eżekuttiv fl-2001 sal-2003.

Dun Cachia kien ukoll lettur fit-Teoloġija Spiritwali fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta sa mill-1996.

Ġorġ Mallia, il-Kap tad-Dipartiment tal-Midja u Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, kien fost dawk li esprimew n-niket tagħhom għall-mewt f’daqqa ta’ Fr Nicholas.

Fl-aħħar post tiegħu fuq il-media soċjali li kien fit-8 ta’ Lulju, Fr Nicholas irringrazzja lil Alla għat-33 sena tiegħu fis-saċerdozju, u li għenu jibqa’ jkun pożittiv u dejjem jgħid iva għas-sejħa tiegħu. Preżenti għal din l-aħħar tislima kien hemm kunsilliera kif ukoll kandidati tal-Partit Nazzjonalista.