Lokali

Titħassar il-Pride March li kellha ssir f’Settembru

Il-Komunità Malta Pride x Allied Rainbow fi stqarrija ħabbret li l-Pride March li kienet se ssir is-Sibt 18 ta’ Settembru tħassret kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Madankollu, huma qalu li qed jikkoordinaw ma’ entitajiet oħra u ma’ organizzazzjonijiet LGBTIQ biex jittellgħu sensiela ta’ avvenimenti u inizjattivi matul il-Malta Pride Week li se ssire bejn l-10 u d-19 ta’ Settembru. Huma fakkru li kollox se jsir b’konformità mar-regoli tal-COVID-19.

It-tema għal din is-sena se tkun #YouAreIncluded… tema li tenfasizza l-ugwaljanza għal kulħadd. L-istqarrija tkompli tgħid li għalkemm sar ħafna f’dan ir-rigward, għad hemm membri ta’ dawn il-komunitajiet li l-esperjenzi tagħhom mhumiex jinftiehmu, jidhru jew jiġu validati.

Il-Komunità Malta Pride x Allied Rainbow qed tħeġġeġ lill-komunità u lill-alleati LGBTIQ f’Malta sabiex jipparteċipaw f’dawn l-avvenimenti u jippromwovu l-kawża.