Internazzjonali

Turkija: Numru sinifikanti ta’ mejtin fost l-għargħar u l-valangi

L-awtoritajiet Torok qalu  li l-ammont ta’ mejtin mill-għargħar u l-valangi tat-tajn li straxxnaw iz-zoni lejn in-naħa ta’ fuq tat-Turkija qabeż it-30 – b’numru ta’ persuni jkunu rappurtati nieqsa. Il-kriżi tal-għargħar kienet dovuta għal ħalbiet tax-xita kontinwa li kkaġunaw l-għargħar kbir u  ‘widien tat-tajn’ fl-artijiet mal-kosta tal-Baħar l-Iswed.

L-għargħar ġarr numru ta’ karozzi u materjal ieħor fil-provinċji ta’ Bartin, Kastamonu, Sinop u Samsun – fejn ikkrollaw anki d-djar u l-pontijiet fl-inħawi.

L-iskwadri tas-salvataġġ ma setgħux jilħqu lin-nies mill-art fost iċ-ċirkustanzi ta’ emerġenza, bis-servizzi ta’ fejda jużaw il-ħelikopters biex isalvaw residenti li spiċċaw iżolati fuq il-bjut tad-dar fiz-zoni mifqugħin bl-għargħar.

L-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Immaniġġjar tad-Diżastri u Emerġenzi ikkonfermaw li l-iskwadri għas-salvataġġ, fl-aħħar sigħat, irkupraw tal-anqas 15-il katavru fir-reġjun ta’ Katamonu, li hu fost l-agħar reġjuni Torok affettwati mill-għargħar u l-valangi. Intant, is-servizzi għall-emerġenzi kienu qed ifittxu għal persuni nieqsa fl-inħawi ta’ Bozkurt fejn ċeda bini kbir b’riżultat tal-għargħar.

Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi komplew isibu l-katavri f’ Kastamonu, b’jerġa’ aktar vittmi tal-għargħar jinstabu fl-inħawi ta’ Sinop.Dan waqt li diversi bnadi affettwati mill-għargħar spiċċaw mingħajr servizz tad-dawl, bit-toroq tal-villaġġi jispiċċaw imblukkati bit-tajn.

Fl-aħħar sigħat, mal-5,000 membru tat-taqsimiet għal search and rescue kienu stazzjonati fil-provinċji li ġarrbu l-agħar impatt mill-għargħar u l-valangi.

Fil-provinċja ta’ Bartin, intant, weġġgħu talanqas 13-il persuna wara li ċediet parti minn pont ewlieni. F’din is-sitwazzjoni, il-ħelikopters tal-qawwiet armati tat-Turkija marru fl-inħawi li jinsabu taħt l-akbar theddida mill-għargħar biex iwasslu għexieren ta’ nies lejn bnadi anqas perikolużi.

Jidher li fl-aħħar sigħat ikkrollaw numru ta’ pontijiet b’kaġun tal-għargħar, b’kelliema għall-Gvern isostnu li, bħalissa, ‘qegħdin jaraw l-akbar diżastru ta’ dan it-tip li qatt kellhom jiffaċċjaw tul l-aħħar 50 sena’.