Lokali

BIL-FILMAT: Sir af aktar dwar ix-xogħol tat-taqsima marittima fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Hekk kif ninsabu f’nofs is-sajf, ħafna minna ma jitilfux opportunità għal dawra b’xi dgħajsa, dinghy jew speed boat, u l-mawriet lejn il-baħar jiżdiedu sew ukoll.

U aktar ma tiżdied l-attività fil- u qrib il-baħar, aktar jiżdiedu wkoll il-possibbiltà ta’ xi inċident.

Xogħol l-Uffiċjali fit-Taqsima Marittima fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaldaqstant jiżdied ukoll f’dan iż-żmien.

Staqsejna lil wieħed mill-iStation Officers ta’ din it-Taqsima x’inhuma l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jassistu fihom.

L-AKTAR LI JKOLLNA HUMA PERSUNI LI JAQGĦU X’IMKIEN LI MHEMMX AĊĊESS B’AMBULANZA GĦALIH … JEW PERSUNI QED JGĦERQU… JEW PER EŻEMPJU PERSUNI JINKALJAW BL-INĠENJI TAL-BAĦAR JEW NIRIEN FUQ DGĦAJJES”

Id-Delta 1 hu dinghy li jintuża mill-Uffiċjali ta’ din it-Taqsima biex isiru operazzjonijet ta’ salvataġġ, kif ukoll rondi ta’ rutina u spezzjonijiet fil-marinas u madwar il-kosta tal-gżejjer tagħna..

Dan id-dinghy jinsab dejjem lest biex joħrog anke fuq emerġenzi li jistgħu jinqalgħu u jinżamm fuq pontoon li jżommu fil-wiċċ, jew kif jissejjaħ bl-Ingliż floating pontoon.

L-Uffiċjali spjegawlna li kif tinaqala’ emerġenza, id-dinghy jkun lest biex joħroġ fuq il-baħar f’massimu ta’  tliet minuti w nofs.

Id-dinghy jintuża f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ u emerġenza, iżda ċertu operazzjonjiet huma diffiċli aktar minn oħrajn.

“L-AKTAR SALVATAĠĠI DIFFIĊLI HUMA META L-BAĦAR IKUN KONTRA TIEGĦEK JEW TKUN FID-DLAM JEW META PERSUNA JKUN F’POST DIFFIĊLI LI SSIBU JEW META JKOLLOK DIVER MITLUF JEW MAQBUD X’IMKIEN”

Iżda d-dinghy hu mgħammar b’apparat speċjalizzat li jgħin ukoll f’sitwazzjonijiet diffikultużi.

“DAN ID-DINGHY HU MGĦAMMAR B’CAMERA B’NIGHT VISION LI TAQBAD IS-SĦANA LI TARMI L-ĠISEM U TINDIKA L-PREŻENZA TA’ ĦAJJA BIEX B’HEKK IKUN AKTAR FAĊLI GĦALINA LI NSIBUHOM

Anke f’każ ta’ nirien fuq biċċiet tal-baħar, l-Uffiċjali jistgħu jgħinu billi jagħtu l-ewwel għajnuna, hekk kif id-dinghy hu mgħammar ukoll għal dan.

DAD-DINGHY MGĦAMMAR B’POMPA TAL-ILMA U NISTGĦU NIDĦLU BIH ANKE F’POSTIJIET ZGĦAR BĦAL MARINAS U GĦANDU GĦANDU APPARAT APPOSTA WKOLL”

L-isfidi ta’ din it-Taqsima komplew jikbru hekk kif kibret l-attività fuq il-baħar, b’ċertu zoni huma aktar ta’ sfida minn oħrajn.

“IX-XOGĦOL INBIDEL ĦAFNA GĦAX ŻDIEDU L-OPRI FUQ IL-BAĦAR U ŻONI BĦAL KEMMUNU  U N-NORTH L-AKTAR LI HUMA AFFETTWATI

L-appell tal-Uffiċjali ta’ din it-Taqsima huma għal aktar kawtela u sens komun.

“L-APPELL HU GĦALL-KAWTELA. KULĦADD JIEĦU ĦSIEB. FL-AĦĦAR MILL-AĦĦAR F’KAŻ TA’ EMERĠENZA IRID JOĦROĠ ĦADDIEĦOR JISSAGRIFIKA ĦAJTU GĦALIK

Filwaqt li l-awgurju tagħna hu li kulħadd igawdi l-baħar u s-sajf Malti, nibqgħu nappellaw biex kull wieħed u waħda minna jkun responsabbli fl-aġir tiegħu u ma jipperikolax bla bżonn la lilu nnifsu u lanqas lil dawn l-Uffiċjali.