Il-mediċina li hemm bżonn tittieħed biex pajjiżna joħroġ mill-greylist fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hi “mediċina morra ħafna”.
Kliem Paul Bonello, espert fil-qasam finanzjarju, f’intervista fuq Newsbook.com.mt, fid-dawl tal-fatt li pajjiżna spiċċa greylisted kawża ta’ deċiżjonijiet politiċi żbaljati tal-Gvern Laburista.
Madankollu, kompla Paul Bonello, ladarba jaf li d-deċiżjonijiet li se jkollhom jittieħdu jafu jnaqqsulu l-appoġġ, il-Prim Ministru Robert Abela mhux se jirriskja u se jispiċċa jħalli d-deċiżjonijiet iebsin għal wara l-elezzjoni.
L-espert fil-qasam finanzjarju qal li l-effetti fuq is-settur ilhom jinħassu għax sena wara l-oħra bqajna nilgħabu man-nar. Madankollu, għad hemm effetti li qal li għadhom moħbija għax għalissa mhux qed jinħassu daqshekk.
Paul Bonello innota wkoll kif Abela qisu sab is-soluzzjoni billi appella lill-operaturi jdawwru l-attenzjoni fuq klijenti lokali. Madankollu, qal li fl-aħħar mill-aħħar, is-settur għandu bżonn li jkun iġġenerat ukoll ix-xogħol minn barra.
Dan meta hu magħruf li s-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna jfisser 11 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross u għalhekk, jekk dan is-settur jaqla’ daqqa ta’ ħarta, din żgur li tinħass sew fost setturi diversi fil-pajjiż.
//= $special ?>