Il-Covid-19 ħalla vittma oħra f’pajjiżna – mara ta’ 85 sena, li kienet pożittiva għall-virus.
Dan ħareġ mill-aġġornament tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, fejn tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa, 94 persuna oħra rriżultaw pożittiv biex b’hekk l-ammont totali ta’ każi pożittivi mill-bidu tal-pandemija sal-lum tela’ għal 35,286.
Bil-mewta tal-mara, l-ammont ta’ persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom kawża tal-pandemija issa tela’ għal 430.
Dan filwaqt li, skont il-Ministeru, 120 persuna oħra huma meqjusin bħala mfejqin. Madankollu, jibqa’ d-dubju ta’ ħafna dwar kemm din iċ-ċifra hi reali, hekk kif il-Gvern ma għadux jobbliga lil min ikun pożittiv biex jagħmel swab test wara ġimgħatejn minn meta jkun instab pożittiv u allura, fi tmiem il-kwarantina.
Sadanittant, fl-aħħar sigħat żdied ukoll l-ammont ta’ persuni li qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, filwaqt li dawn issa telgħu għal 38, baqgħu erbgħa l-persuni li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
U filwaqt li l-ammont ta’ każi attivi f’pajjiżna niżel għal 696, l-età medja tal-persuni li rriżultaw pożittivi fl-aħħar 24 siegħa hi ta’ 38 sena.
//= $special ?>