Lokali

Ir-Riserva Naturali tas-Salini terġa’ tibda tipproduċi l-melħ

Qabel, dan kien ikun meqjus bħala l-aqwa melħ fil-Mediterran

Għall-ewwel darba wara tant snin, ir-Riserva Naturali tas-Salini qed terġa’ tipproduċi l-melħ.

Dan il-proċess jieħu x-xhur biex jasal fi tmiemu. Għall-ħabta ta’ Marzu jew April, wara li l-agħar tax-xitwa tkun għaddiet u b’hekk ix-xita tkun naqset ferm, is-salini tal-melħ jitnaddfu bl-idejn biex finalment jiġu noxfa qoxqox. Il-bidu tal-proċess jibda permezz ta’ pali iżda wara jkomplu permezz ta’ magni biex jassiguraw li s-salini jitnaddfu bl-aħjar mod.

Riċentament kienu ġew installati valvi ġodda biex la darba jispiċċa l-bidu tal-proċess, il-valvi jinfetħu biex jidħol l-ilma baħar permezz tal-gravità. La darba s-salini jimtlew, il-valvi jingħalqu biex b’hekk jibda l-proċess li jmiss.

Mal-għeluq tal-valvi, jibda l-proċess li jieħu x-xhur biex jasal fi tmiemu – il-proċess fejn l-ilma jibda jevapora. Mal-bidu ta’ Ġunju jibda jidher is-suċċess ta’ dan il-proċess hekk kif il-melħ jibda jieħu l-forma tal-kristalli. Fil-bidu tax-xahar jibda jidher saff irqiq iżda sal-aħħar tax-xahar jiżdied tant li jkun tant visibli.

Hawnhekk fejn ikun wasal biex qabel il-melħ jinxef kompletament, numru ta’ persuni jinġabru fis-Salini u jibdew itellgħu l-melħ permezz ta’ pali. Il-melħ jinġabar gozz f’forma ta’ piramidi madwar ir-Riserva Naturali. Imbagħad ikun imiss ġimagħtejn fejn il-melħ ma jitmissx sakemm jinxef kompletament mill-ilma baħar.

Hekk kif il-melħ jinxef, jissejħu voluntiera u ħaddiema ta’ BirdLife Malta biex jinġabar il-melħ kollu u minn hemm jittieħed lejn mħażen. Minn hemmhekk il-melħ jitpoġġa f’boroż kbar.

L-aħħar proċess qabel jinbigħ hu li fil-ġimgħat li ġejjin kampjun tal-melħ se jittieħed barra minn Malta biex ikun ittestjat ħalli jassiguraw li l-kwalità hi tajba.

Lura meta kien jinġabar il-melħ minn dawn is-salini, dan kien ikun meqjus bħala l-iktar melħ tajjeb li wieħed jista’ jsib f’pajjiżi madwar il-Mediterran.

Ritratti: Alice Sicoli/Aron Tanti