Il-Malta Airport Foundation flimkien mal-Fondazzjoni Wirt Artna inawgurat il-Combined Operations Room u għadd ta’ kmamar anċillari wara li sarilhom restawr estensiv.
Dawn il-kmamar jiffurmaw parti minn kumpless ta’ żmien il-gwerra mifrux taħt l-art tal-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta.
Dan il-kumpless oriġinarjament inbena mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1566 u beda jintuża bħala kwartieri tal-gwerra mill-Ingliżi fl-1941.
Il-Combined Operations Room kienet tirċievi informazzjoni li abbażi tagħha strateġisti militari li kienu jkunu stazzjonati f’pajjiżna kienu jfasslu l-azzjonijiet militari u navali kollha f’Malta u minn Malta, partikolarment matul il-ħbit mill-ajru fuq il-gżejjer waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-valur storiku tal-Combined Operations Room ikompli jiżdied mill-fatt li din kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fl-istorja li qdiet funzjonijiet kemm offensivi u kemm difensivi.
Il-kumpless li tagħmel parti minnu l-Combined Operations Room, aktar tard intuża wkoll min-NATO biex ikunu segwiti s-sottomarini u kellha rwol importanti fil-Kriżi tas-Swejz tal-1956 u l-Kriżi tal-Missili f’Kuba tal-1962, qabel ma l-bibien tagħha ngħalqu fl-1977 għal kważi erbgħin sena.
Dan l-għeluq flimkien ma’ problemi ta’ għargħar għamel ħsara kbira kemm lill-infrastruttura u kemm lil oġġetti importanti, bħal mapep, li jgħollu l-valur storiku ta’ dan il-kumpless billi jitfgħu dawl fuq l-avvenimenti importanti li seħħew fih.
Il-kontribuzzjoni tal-Malta Airport Foundation għal dan il-proġett ta’ restawr ammontat għal kważi €340,000.
B’parti minn dan l-investiment kienet irrestawrata mappa wiesgħa 20 metru – impinġija bl-idejn fuq pannelli tal-injam kif kien komuni f’dawk iż-żminijiet – li kienet tintuża min-NATO fis-sittinijiet biex ikunu mmarkati l-movimenti tas-sottomarini Russi fil-Mediterran.
Proċess ta’ restawr li wassal ukoll biex inkixfu żewġ mapep oħrajn li huma aktar antiki.