Lokali

L-Għaqda Armar Marija Assunta tal-Mosta tiċċelebra 25 sena mit-twaqqif tagħha

Tħobb jew ma tħobbx il-Festi, ma tistax ma tħarisx darbtejn lejn l-armar mill-isbaħ għall-Festa ta’ Marija Assunta hekk kif tirfes fit-toroq tal-Mosta.

Din is-sena hi waħda speċjali għall-Għaqda Armar Marija Assunta, tal-Mosta, li qed tiċċelebra l-25 sena minn mindu twaqqfet, b’xogħol ma jaqta’ xejn matul is-snin.

NET News tkellem mal-Assistent Segretarju tal-Għaqda, Ansel Briffa, li spjega aħjar ix-xogħol li sar f’dawn snin.

U ma jistax jonqos li fl-aħħar ġimgħat u xhur reġgħu kienu impenjati mhux ftit biex jarmaw it-toroq ta’ madwar ir-Rotunda.

Fil-fatt, numru ta’ voluntieri kienu madwar it-toroq u fil-Knisja għall-aħħar preparamenti qabel il-15 ta’ Awwissu.

U ma jistax jonqos li għal sena oħra sar sunett iddedikat lil Santa Marija … tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ, bl-Għaqda għandha wieħed mill-eqdem sunetti, li jmur lura għall-1931.

Membru tal-għaqda, Keith Cassar, tkellem magħna dwar il-ħidma li ssir biex fl-aħħar mill-aħħar kull sena jkun hemm sunett ġdid.

Kawża tal-pandemija, għal sena oħra, il-Festa ta’ Marija Assunta se tkun iċċelebrata b’mod iktar ridotta. Madanakollu, fil-Qrendi, l-Imqabba, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat Għawdex, kif ukoll qrib il-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u l-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun xorta ramaw it-toroq b’dedikazzjoni għall-patruna tant għal qalbhom.

U Ħadd wara l-15 ta’ Awwissu, ikun imiss il-Festi ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex, apparti għadd ta’ Kappelli li wkoll jiċċeleberaw il-Festa tal-Assunta.

Ritratti: Martin Agius