Lokali

“Nistgħu inbiddlu l-isfida tat-tibdil fil-klima f’opportunità għal pajjiżna” – Bernard Grech

Ftit xhur qabel ma l-pandemija laqtet lil pajjiżna ftit konna naħsbu li din kienet se teffettwara b’xi mod. Saħansitra l-awtoritajiet tas-saħħa kienu qed iserħulna rasna u qalulna li kien ftit li xejn possibbli li l-virus jilħaqna miċ-Ċina.

Imma f’kemm ili ngħidlek, il-Covid-19 ħakimna b’saħħa. Sakkarna ġewwa. Waqqfilna t-turiżmu. Qatel ħbieb u qraba u biddlilna ħajjitna b’mod li ma konniex nimmaġinaw.

Imma anke wara dan ix-xokk, ħafna minnha għadna qed nagħlqu għajnejna għal emerġenza oħra kbira li diġà tinsab magħna. Dik tat-tibdil fil-klima.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb f’dan ir-rigward fuq is-sit Lovin’ Malta fejn fakkar dak li qal ir-rapport tal-IPCC li issa qed juri li l-qabża fiż-żieda ta’ 1.5 gradi ċentrigradi se jkollha impatt devastanti u rriversibbli fil-klima u li mistennija sseħħ sal-2030.

Dan ifisser li fi ftit snin, il-ħajja f’diversi postijiet madwar id-dinja, inkluż pajjiżna, se ssir insopportabbli, bir-riskju li nkunu sfurzati nqattgħu il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna ġewwa.

Imma filwaqt li bħalissa jidher kollox iswed, irridu nsibu s-soluzzjonijiet, għax il-ħajjiet tagħna u ta’ uliedna jiddependu fuqhom.

L-ewwel irridu ma nibqgħux nemmnu li għax aħna żgħar, m’għandniex soluzzjonijiet.

It-tieni ma nistgħux nibqgħu naħsbu li l-UE ma tista tagħmel xejn. Bernard Grech jispjega kif il-Bhutan u Suriname huma żewġ pajjiżi li qed jimmiraw biex sal-2030 ikunu qed ineħħu aktar karbonju milli qed jipproduċu. Pajjiżna qed jimmira għall-2050… f’dal każ qed nagħżlu li ma nkunux leaders.  Irridu nkunu ferm aktar ambizzjużi.

It-tielet irridu nisfidaw il-gidba li t-tnaqqis fil-karbonju bilfors jissarraf fi tnaqqis fl-ekonomija. Anzi bil-kontra. L-ekonomija tieħu daqqa jekk nibqgħu ċassi fil-konfront ta’ dak li qed jiġri fil-klima.

Bernard Grech jinsisti li rridu nkunu radikali fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima. Jekk Malta verament tagħmel sforzi f’dan il-qasam, u jirnexxielha tikseb kredibilità, tkun tista’ tagħmel żewġ affarijiet li jixprunaw l-ekonomija.

Tkun tista tibni industrija ġdida – xi ħaġa li pajjiżna ilu ma jkollu għaxar snin, u tkun tista’ tirkupra r-reputazzjoni … reputazzjoni li wkoll ħadet daqqa sew l-isfel f’dawn l-aħħar snin.

Pajjiżna, qal Grech, jista’ verament isir ċentru globali għar-riċerka fit-tibdil fil-klima, żvilupp u innovazzjoni. Jekk ninvestu b’mod ambizzjuż, inkunu nistgħu nattiraw l-aqwa mħuħ biex pajjiżna jsir eżempju għal pajjiżi oħra f’dik li hi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Bernard Grech fakkar kif fl-1988, Malta kien l-ewwel pajjiż li ppreżenta l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima bħala tema fl-aġenda politika tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fis-snin li ġejjin, Malta għandu jkollha vuċi aktar fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, hekk kif hemm pjan li nkunu membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà.

Din hija opportunità li ma nistgħux nitilfu. Dan hu l-proġett il-kbir li jmiss. Hija l-viżjoni li rridu nagħmlu realtà, u flimkien mal-Partit Nazzjonalista, jien lest li nikkommetti ruħi li nwettaq, wiegħed Bernard Grech.

L-ewwel pass se tkun Konferenza Nazzjonali biex jitfassal pjan, sostna Grech filwaqt li stieden lil kull min irid ikun parti minn din il-viżjoni biex jersaq lejn il-Partit Nazzjonalista u jkun parti minn din il-viżjoni.