Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern jikkonsulta lir-residenti ta’ Marsaskala, lis-sidien tan-negozji lokali u lill-esperti ambjentali qabel jittieħdu kwalunkwe passi oħra fuq l-iżvilupp tal-marina.
Il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius qal, “Il-firxa tal-iżvilupp li qed jiġi propost hija sproporzjonata u aktar minn hekk, m’hemm l-ebda ħjiel ta’ salvagwardji ambjentali. Ma sar l-ebda studju pereżempju dwar kif il-proġett se jaffettwa l-kurrenti fil-bajja, bir-reklamazzjoni tal-art proposta kif ukoll is-700 punt tal-irmiġġ li potenzjalment iwasslu għal staġnar tal-ilma fil-partijiet interni tal-bajja.” Ikompli jistqarr li, “L-iżvilupp propost lanqas ma kkunsidra kif it-tħammil u l-iżvilupp se jaffettwaw il- “magħluq”, ekosistema unika tal-ilma salmastru, ħabitat tal-uniku ħut tal-ilma salmastru Malti: il-Bużaqq.”
Filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat investiment proporzjonat fiż-żona biex jiġi attirat turiżmu ta’ kwalità ogħla lejn in-Nofsinhar ta’ Malta, il-pjanijiet proposti ma jiksbux il-bilanċ xieraq u huma proposti mingħajr konsultazzjoni ma’ dawk affettwati direttament minn tali: Ir-residenti u s-sidien tan-negozju fil-bajja. Dan saħqu John Baptist Camilleri, kandidat fuq it-tielet distrett għall-Partit Nazzjonalista.
Bħalissa din il-bajja titgawda minn mijiet bħala post ta’ għum u għad-dgħajjes. Il-proġett propost ma jindikax kif ser jiġu assigurati dawn il-bżonnijiet. Dan qalu Errol Cutajar, kandidat fuq it-tielet distrett għall-Partit Nazzjonalista.
Gvern Nazzjonalista ġdid iwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u ekonomiċi sħaħ qabel ma jikkunsidra dawn l-iżviluppi wara li jikkonsulta lir-residenti u lis-sidien tan-negozju biex jiżgura li kwalunkwe żvilupp ma jirriżultax f’telf għall-komunità.
//= $special ?>