Futbol Sport

Rebħiet konvinċenti għal Manchester United u Chelsea

(Ritratt: EPA)

Manchester United kellhom bidu mill-aqwa hekk kif għelbu lil Leeds United 5-1 f’partita li t-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer iddominaw mill-bidu sat-tmiem. Kien Bruno Fernandes li wara nofsiegħa logħob fetaħ l-iskor b’konklużjoni bix-xellug. Fit-tieni taqsima, Leeds ħargu fuq l-offensiva u ġabu l-iskor indaqs b’konkluzjoni minn barra l-kaxxa ta’ Luke Ayling. Manchester United ħadu l-kontroll tal-partita u skorjaw erba’ darbiet oħra. L-ewwel kien Mason Greenwood fit-52 minuta li b’konklużjoni fil-baxx reġa tefa’ lir-Red Devils fil-vantaġġ. Żewg minuti wara, kien Bruno Fernandes li għamilhom 3-1. Il-midfielder Portugiz skorja l-hatrick mas-siegħa logħob b’konklużjoni fuq pass tajjeb ta’ Victor Lindelof biex fit-68 minuta kien is-sostitut Fred li għamel l-iskor 5-1.

Chelsea kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 f’darhom fuq Crystal Palace. It-tim imexxi minn Thomas Tuchel kellu bidu tajjeb u wara 27 minuta mar fil-vantaġġ bi freekick mill-isbaħ ta’ Marcos Alonso. Christian Pulisic irdoppja ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta rreaġixxa wara li Guaita salva parzjalment il-cross ta’ Mason Mount. Chelsea baqgħu fuq l-offensiva u fit-58 minuta kien id-debuttant żagħżugħ Trevoh Chalobah li b’konklużjoni mid-distanza għamilhom 3-0.

F’Carrow Road, Liverpool għelbu lil Norwich City 3-0, biex b’hekk bdew dan l-istaġun bl-aqwa mod. Diogo Jota fetaħ l-iskor wara biss 26 minuta meta kkonkluda fuq pass ta’ Mohamed Salah. Fit-tieni taqsima, minkejja li Norwich kellhom l-aktar mill-pusses, kien is-sostitut Roberto Firmino li fil-65 minuta għamilhom 2-0. L-attakkant Eġizzjan Mohamed Salah kompla jkabbar l-iskor fl-74 minuta b’konklużjoni minn tarf l-kaxxa.

Everton dawwru l-partita fit-tieni taqsima biex għelbu lil Southampton 3-1. Adam Armstrong fetaħ l-iskor għal Southampton fit-22 minuta. Richarlisnon ġab l-iskor indaqs fis-47 minuta bil-midfielder Abdoulaye Doucoure jagħmilhom 2-1 b’konklużjoni mill-isbaħ. L-attakkant internazzjonali Ingliż Dominic Calvert-Lewis għamel l-iskro 3-1 fil-81 minuta b’konklużjoni bir-ras.

Gowl uniku ta’ Jamie Vardy ta’ rebħa lil Leicester City fuq Wolves f’partita bilanċjata. Wara bidu pjuttost kwiet, il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fil-41 minuta permezz tal-attakkant prolifiku Jamie Vardy biex b’hekk ta’ rebħa minima lit-tim ta’ Brendan Rodgers fejn komplew fuq il-bidu pożittiv wara r-rebħ tal-Community Shield il-ġimgħa li għaddiet.

F’partita li offriet ħames gowls, kien it-tim neo-promoss Watford li ħareġ rebbieħ 3-2 fuq Aston Villa. Emmanuel Dennis fetaħ l-iskor għal Watford wara biss 10 minuta, bl-attakkant Ismail Sarr jirdoppja fit-42 minuta. Juan Hernandez għamilhom 3-0 fis-67 minuta. Aston Villa skorjaw darbtejn l-ewwel fis-70 minuta permezz ta’ John McGinn biex mbagħad lejn it-tmiem kien l-akkwist il-ġdid Danny Ings li permezz ta’ penalty għamilhom 3-2.

F’Turf Moor Brighton wettqu rimonta fl-aħħar ftit minuti biex b’hekk kisbu rebħa importanti kontra Burnley f’partita li lejn tmiem l-istaġun tista’ titqies bħala deċiżiva. Burnley fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti, b’daqqa ta’ ras tajba ta’ James Tarkowski. Ir-rimonta ta’ Brighton bdiet fit-73 minuta meta kien Neal Maupay li naqqa l-iskor fit-73 minuta. Brighton marru fil-vantaġġ ħames minuti wara permezz ta’ Alexis Mac Allister li kkonkluda fuq cross ta’ Pascal Gross.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Brentford v Arsenal 2-0 Illum: Man Utd v Leeds 5-1, Leicester v Wolves 1-0, Chelsea v C’Palace 3-0, Watford v Aston Villa 3-2, Everton v Southampton 3-1, Burnley v Brighton 1-2, Norwich v Liverpool 6.30pm Għada: Newcastle v West Ham 3.00pm, Tottenham v Man City 5.30pm