Lokali

79 anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija

Illum qed niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija – festa li għandha wkoll sinifikat ieħor storiku għal pajjiżna, hekk kif 79 sena ilu f’Malta daħal il-famuż konvoj ta’ Santa Marija

Il-Gwerra kienet bdiet tħalli l-effett taghha – bil-poplu Malti kien qed ibati l-ġuħ u l-għaks. Kellna ħtieġa kbira għall-ikel u bżonn ta’ mediċini. It-Tieni Gwerra Dinjija issa kienet ilha għaddejja erba’ snin, u Malta kien għad fadlilha biss provvisti għal ftit jiem.

Lejn Malta kellhom jaslu 17-il bastiment. Waslu biss ħamsa li rnexxilhom jeħilsuha mill-qilla tal-għadu bi vjaġġ li waqaf fil-Ġibilta qabel kompla lejn Malta.

Il-vjaġġ ra serje t’attakki mill-għadu, fosthom minn 540 ajruplan, attakki minn sottomarini kif ukoll attakki minn fuq il-baħar. L-għadu ried jeqred għal kollox din l-operazzjoni hekk kif kien konxju li Malta kienet waslet fit-tarf, u lesta li ċċedi jekk ma tasalx għajnuna mill-alleati.

Lejliet Santa Marija, il-poplu dar ghat-talb lejn sidtna Marija. Fl-14 tax-xahar deher il-Konvoj Operation Pedestal dieħel fil-Port il-Kbir.

F’Jum l-Assunta, bin-nies fuq is-sur, ilkoll fis-silenzju jaraw ix-xena ta’ quddiemhom… fil-Port il-Kbir jasal il-bastiment Ohio li wara vjaġġ twil, irnexxielu jitrakka max-xatt fid-9.30am, vjaġġ li fl-aħħar kien iebes mhux ħażin, b’dan il-bastiment ikun mgħejjun minn għadd ta’ dgħajjes oħra biex jibqa’ fil-wiċċ.

Il-bastiment Ohio kellu l-aktar provvista kruċjali, fosthom fjuwil, mediċina u dqiq, bil-poplu Malti, 79 sena wara baqa’ jsejjaħ dan il-konvoj bħala dak ta’ Santa Marija: il-konvoj li salva lill-Maltin tul it-Tieni Gwerra Dinjija.