Grupp ta’ sajjieda għamlu att nobbli meta dalgħodu salvaw fekruna tal-ilma baħar minn sunnara li nifditilha ħalqha.
Hekk kif il-fekruna ntebħet, kienet tidher biċ-ċar li għaddejja minn tbatija kbira. Dan hekk kif barra li kellha s-sunnara f’ħalqha, is-sunnara kellha wkoll mwaħħal magħha xi xlief u saħansitra siġġu tal-plastik, bil-fekruna kienet qed iġġor dan kollu waqt li qed tgħum fil-baħar.
Is-sajjieda rnexxilhom itellgħu lill-fekruna fuq id-dgħajsa biex b’hekk neħħewlha b’attenzjoni liema bħalha s-sunnara minn ma’ ħalqha.
Wieħed mis-sajjieda, Saviour Pace qal magħna li jinkwetah il-fatt li “għad hawn min jarmi l-affarijiet fil-baħar b’konsegwenza li qed jagħmel tant ħsara u saħansitra joqtol kreaturi tal-baħar.”