Internazzjonali

Covid-19: L-Istat ta’ New South Wales fl-agħar sitwazzjoni tal-Awstralja mill-bidu tal-pandemija

Il-Prim Ministru tal-Istat ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, wissiet li s-sitwazzjoni tal-Covid fl-Istat tagħha għandha titqies bħala ‘l-agħar sitwazzjoni li spiċċat fiha l-Awstralja’ mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19.

Is-sitwazzjoni tant hi drastika li l-awtoritajiet ħasbu, minnufih, bhiex jissikkaw ir-regoli f’Sydney – il-kapitali tal-Istat – li diġà tinsab taħt lockdown.

Sadanittant, il-multi għal kulmin jabbuża mir-regoli tas-sigurtà għandhom jitilqgħu minn 1,000 għal 5,000 dollaru Awstraljan li huma l-ekwivalenti ta’ madwar 2,800 ewro.

Gladys Berejiklian qed twissi – b’referenza għall-Covid — li l-poplu Awstraljan qed jiffaċċja ‘gwerra’ u li ‘din hi l-aktar sitwazzjoni delikata li l-pajjiż kellu jikkonfronta għal madwar sena u nofs’.

Dan meta l-awtoritajiet qed jistennew li x-xhur ta’ Settembru u Ottubru se jkunu ‘diffiċli ħafna’ fir-rigward tal-pandemija.

L-infezzjonijiet u l-imwiet relatati għall-Covid għadhom relattivament baxxi fl-Awstralja meta mqabblin ma’ uħud mill-agħar epidemiji madwar id-dinja – inklużi l-firxa tal-coronavirus u l-varjanti tiegħu fl-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Madankollu, il-każi ta’ infezzjonijiet lokalizzati, nhar is-Sibt, laħħqu mal-470 li qed jindikaw żieda sinifikanti mill-ogħla ċifra ( ikkalkulata għal kull ġurnata) ta’ 390 li kienet irreġistrata fil-jum ta’ qabel.

Fl-istess ħin, nhar is-Sibt mietu erba’ persuni bil-Covid fi New South Wales – bl-ammont totali tal-imwiet mill-coronavirus fl-Istat jitilgħu għal 42 mindu faqqgħet il-pandemija.

Il-belt ta’ Sydney ilha taħt lockdown għal disa’ ġimgħat u l-uffiċjali sa ftit ilu kienu qed jittamaw li jnaqqsu r-restrizzjonijiet fl-inħawi mit-28 ta’ Awwissu. Madankollu, dan mhux mistenni jseħħ fid-dawl tal-aħħar żviluppi u meta l-istatistika relatata mal-virus kapaċi żżomm livelli allarmanti matul il-jiem li ġejjin,

Millum stess, ir-residenti ta’ Sydney iridu bilfors jaqdu l-ħteġiet essenzjali f’zona sa mhux aktar minn ħames kilometri  ‘il bogħod  minn djarhom. Fl-istess ħin għandhom ikunu effettivi l-eżenzjonijiet għall-hekk-imsejħa social bubbles — għalkemm id-direttiva kapaċi tinbidel minn jum għall-ieħor.

Mill-21 ta’ Awwissu, kulmin jixtieq li jivvjaġġa miz-zona ta’ Greater Sydney għar-reġjuni ta’ New South Wales se jkun jeħtieġ permess partikulari, Kulmin jinsatab mingħajr dan il-permess għandu jeħel multa ta’ 3,000 dollaru Awstraljan (1,874 ewro).