Lokali

“Iddedikajt siegħa minn ħajti biex insalva tliet persuni” – donatur ta’ 142 borża demm

“Siegħa għalija tfisser li salvajt ħajjet tliet minn nies”

Dan hu Joe Grima, donatur tad-demm li s’issa diġa’ ta 142 borża demm… bit-tifel tiegħu qed jimxi fuq il-passi tiegħu hekk kif ta’ 19-il sena diġa’ ta mas-16-il borża demm.

Iżda Joe, kif iddeċieda li jersaq għall-ewwel darba biex jagħti d-demm?

Kienet propju operazzjoni ta’ ħu ħabib tiegħu li wasslitu biex jirrealizza kemm hawn nies għandhom bżonn id-demm ta’ kuljum. B’hekk, mill-1981 ma ħarisx lura. Ta l-ewwel borża demm u baqa’ jagħti kull ċans li jkollu.

Joe mhux biss jagħti d-demm iżda wkoll jagħmel minn kollox biex iħeġġeġ lin-nies jagħtu huma wkoll filwaqt li jwassal il-messaġġ tal-importanza tal-għoti tad-demm.

Fil-fatt, lil Joe sibnih quddiem il-mobile blood unit li kien jinsab maġenb il-Knisja tal-Imġarr fil-festa ta’ Marija Assunta.

Preżenti kien hemm numru ta’ persuni li maruu bi ħġarhom biex huma wkoll jgħinu sabiex ikunu salvati l-ħajjiet, fosthom Adrian Grech fejn qalilna li din hi s-sitt borża demm li s’issa ta, att li vera jtih sodisfazzjon.

Ta’ kull sena saret tradizzjoni li l-Mobile Blood Unit jagħmel sigħat sħaħ biswit il-Knisja tal-Imġarr nhar Santa Marija… inizjattiva li bdiet issir grazzi għall-Kunsill Lokali tal-istess lokalita… bil-Kunsilliera Odette Muscat hi fost dawk li taħdem bla waqfien biex tassigura li numru kbir ta’ persuni jmorru jagħtu d-demm. Fil-fatt, kull darba jkollhom bejn 30 u 50 borża demm, li jfissru li jkunu qegħdin jgħinu bejn 90 u 150 persuna.

U ma jistax jonqos li f’dan il-Mobile Blood Unit sibna infermiera li jaħdmu bla waqfien, anke meta ħafna jieħdu dan il-jum bħala vaganza. Fost dawn sibna lill-infermiera Caroline Cassar li kelmitna dwar l-importanza li wieħed jagħmel kuraġġ u jersaq biex jagħti d-demm għaliex l-inċidenti u l-operazzjonijiet ma jaqtgħu xejn, ikun x’ikun iż-żmien tas-sena.