Il-ħabs misshom isemmuh il-Fàċilità ta’ Vendetta ta’ Kordin”
Saħaq dan priġunier li sab lil sieħbu fiċ-ċella wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ipprova jneħħi ħajtu b’idejh fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, f’intervista mat-Times of Malta.
Anthony Borg, li għadu kemm ħareġ mill-ħabs, iddeskriva l-ħabs ta’ Malta bħala l-“Faċilità ta’ Vendetta ta’ Kordin ”, fejn il-vendikazzjoni hija l-ordni tal-ġurnata u fejn il-priġunieri jħossuhom bħal tfal tal-iskola.
Borg saħaq li huwa tpoġġa ma ‘priġunier pożittiv għall-COVID-19 għal ħamest ijiem qabel ma t-talbiet tiegħu biex jiġi trasferit f’ċella oħra finalment intlaqgħu.
Borg tkellem ukoll kif fil-ħabs hemm attitudni ta’ arroganza fejn il-priġunier ma jitħallhiex jgħid dak li jħoss ..
L-eks priġunier stqarr li hu ilu dieħel u ħireġ mill-ħabs għal bosta snin, l-aktar minħabba l-vizzju tad-droga u li wettaq reati żgħar biex jiffinanzja l-vizzju tiegħu iżda l-ħajja fil-ħabs saret diffiċli wisq minn meta l-Kurunell Alex Dalli spiċċa direttur.
Dwar il-priġunier li pprovva jneħħu ħajtu b’idejh u li sab hu stess, Anthony Borg saħaq li r-raġel li għandu 30 sena kien esprima xi ħsibijiet ta’ suwiċidju miegħu fit-tliet ġimgħat ta’ qabel iżda kien qal li mhux biħsiebu jagħmel hekk għax inkella jmur l-infern.
“Qatt ma immaġinajt li se jagħmel dan f’100 sena. Ma naħsibx li qal lil ħadd li kien qed jippjana li jneħħi ħajtu. Ħadd ma jkellimna biex jara kif aħna. Kull meta semma xi ħaġa hekk, jien dejjem qlibt id-diskors u kont ngħidlu li jispiċċa agħar u li dalwaqt ħiereġ mill-ħabs. Ippruvajt intellalu l-morall ”qal Borg.
Intant il-priġunier li nhar il-Ħadd li għadda prova jneħħi ħajtu b’idejh għadu fil-periklu tal-mewt hekk kif għadu qed jinżamm fuq il-magni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti dwar id-detenzjoni b’dixxiplina u b’dinjità, frott il-ħidma tal-clusters.
Dawn il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità jgħixu aktar nies minn darbtejn tal-popolazzjoni li tiflaħ.
//= $special ?>