B’reazzjoni għar-riżultati diżappuntanti li kiseb il-kontinġent Malti fl-Olimpjadi ta’ Tokjo, il-Kumitat Olimpiku Malti saħaq li għalkemm l-prestazzjonijiet setgħu ikunu ferm aħjar, ma kien hemm l-ebda dubju dwar l-impenn u d-dedikazzjoni tal-atleti Maltin fil-preparazzjoni tagħhom għal-Logħob Olimpiku.
“L-ewwel u qabel kollox, l-atleti kollha li jirrappreżentaw lil Malta kisbu posthom permezz ta’ kriterji stabbiliti li ġew ikkomunikati lill-atleti u l-Federazzjonijiet kollha. Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ma kienx jagħżilhom kieku ma kienux l-aħjar li kellha Malta. Jien stess niggarantixxi għalihom. ” stqarr Ivan Balzan, Direttur ta’ l-Isport.
Balzan innota li xi wħud ma jirnexxielhomx jifhmu s-sagrifiċċju li jagħmlu dawn l-atleti, flimkien mal-coaches tagħhom, il-ġenituri kif ukoll il-Federazzjonijiet sportivi. Balzan fakkar il-kisbiet tal-atleti magħżula fosthom Andrew Chetcuti li dawn kienu it-tielet Olimpjadi tiegħu, kif ukoll Sasha Gatt li fl-eta’ ta’ 16-il sena kienet l-ewwel għawwiema Maltija li kisbet ħin ta’ kwalifikazzjoni Olimpika B.
Balzan faħħar ukoll lill-atleta Carla Scicluna li għaddiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni biex ipparteċipat fil-heats tal-100metru, fejn għalkemm għadha żgħira hemm aspettativi għoljin għaliha. Min-naħa l-oħra Matthew Abela kien l-ewwel Malti li rrapreżenta lil pajjiżna fil-Badminton fejn kiseb riżultat denju, meta wieħed jikkunisdra li ffaċja plejer fl-10 post tar-ranking mondjali.
Id-direttur sportiv kellu kliem ta’ tifħir għal Yazmin Zammit Stevens li rnexxielha tikser rekord nazzjonali, filwaqt li rrikonoxxa r-riżultat li kisbet it-tiratriċi Eleonor Bezzina, fejn minkejja li hija atleta fuq bażi part-time u mingħajr coach, hija spiċċat fit-22 post fl-10M Air Pistol, b’Balzan jisħaq li għandha l-potenzjal li tagħmilha mal-aqwa 10 fid-dinja.
“Ir-riżultati jiġu. Madankollu, wieħed irid jifhem li il-medalji Olimpiċi mux ser jiġu mill-lum għalgħada. Il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023, f’Malta għandhom jiġibu xi riżultatipożittivi kif ukoll xi sorpriżi, iżda l-għan ewlieni huwa li Malta jkollha atleti ta’ livell għoli li jipproduċu riżultati inkoraġġanti. Pariġi 2024 għandu jkun bidu tajjeb ”spjega Balzan.
Il-Kumitat Olimpiku Malti huwa kommess li jkompli jaħdem biex numru ta’ atleti jitħejjew u jitħarrġu fuq livell elite, iżda dan jista jseħħ biss jekk kull min hu involut jiġbed ħael wieħed, f’direzzjoni waħda.
//= $special ?>